“Illum rebħet Malta Flimkien.”
Dan kienu l-ewwel kelmiet li ħarġu minn fomm il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela quddiem baħar aħmar quddiem iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista wara li tħabbret ir-rebħa storika.
“Il-poplu wera bis-saħħa li għandu fiduċja f’pajjiżna u li jrid jibqa’ miexi ’l quddiem. Dil-fiduċja b’saħħitha rridu nrodduha lura f’ħafna umiltà u f’ħafna iktar ħidma Inwiegħdkom ħafna iktar ħidma minn qalbi.”
Fil-fatt hawnhekk Dr Abela saħaq li l-fiduċja kbira li ta l-poplu lil dan il-Partit ser tiġi riflessa f’umiltà li se tkun qed tikkaratterizza t-tmexxija ta’ dan il-pajjiż fis-snin li ġejjin.
“Se ninsisti fuqha din. L-umiltà u se nkun jien li mmexxi bl-eżempju. Se ninsisti fuqha wkoll ma kull min se jkun qed jifforma parti minn din it-tmexxija. Aħna qegħdin hemmhekk għalikom u mhux inthom għalina.”
Il-Prim Ministru spjega kif se jkun qed jistħarreġ il-punti saljenti ta’ din l-elezzjoni u anke n-numru ta’ persuni li għażlu ma jivvutawx. Huwa għażel ukoll li jisħaq fuq messaġġ ta’ għaqda nazzjonali.
Spjega kif bl-ewwel mandat tiegħu l-Prim Ministru Robert Abela tenna li jrid jieħu l-pajjiż fil-livell li jmiss fejn jiġu indirizzati l-prijoritajiet ġodda li għandu l-pajjiż fosthom li jintlaħqu t-tliet għanijiet tal-kwalità ta’ ħajja aħjar, l-opportunitajiet aqwa għal kulħadd u Malta isbaħ, li fuqhom kien imsejjaħ il-manifest elettorali tal-Partit Laburista.
“Il-ħidma trid tibqa’ minnufih. Għalhekk Malta Flimkien, Malta Flimkien li trid tmidd għonqha għax-xogħol. Malta Flimkien li tħares lejn kisbiet ġodda għall-pajjiżna, lejn kisbiet ġodda għas-soċjetà kollha tagħna, għalhekk Malta, għalhekk Flimkien, għalhekk il-futur sabih.”