Wara l-Viċi Sindku Nazzjonalista taż-Żebbuġ, Daniel Cordina, issa kien imiss lis-Sindku tar-Rabat, Għawdex, li joħroġ jikteb fil-beraħ kontra l-attakki li l-Partit ta’ Bernard Grech u dawk li jmexxuh, fosthom Jason Azzopardi u l-għaqda Repubblika, qegħdin jorkestraw b’mod kontinwu kontra deputati min-naħa tal-Gvern u l-familji tagħhom.
F’messaġġ fuq il-profil tiegħu ta’ Facebook, is-Sindku Brian Azzopardi, li jiġi ħu l-President tar-Reġjun Għawdex, Samuel Azzopardi, magħrufin għall-ħbiberija tagħhom mal-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia, kiteb li “llum għandna ħafna politiċi minn jgħajjar u jakkuża l-iżjed, però, imbagħad, ħafna jitqallbu fl-istess ħama.”
Dan b’referenza ċara għal wieħed mill-aħħar attakki insensittivi, fejn l-eks Deputat Nazzonalista u Avukat tal-għaqda Repubblika Jason Azzopardi jrid jitfa’ lill-Ministru Clint Camilleri u lil martu l-ħabs. Akkużi bla bażi li anke rikeb fuqhom b’mod immedjat il-Partit Nazzjonalista u l-Kap tiegħu.
Jason Azzopardi, li għadu kemm ġie akkużat b’disprezz lejn il-Qorti, talab li ssir inkjesta fuq dak li, skontu, hu racket marbut mal-irmiġġi fil-Port tal-Imġarr. Akkuża li anke ġiet miċħuda b’mod immedjat mill-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri nnifsu.
Is-Sindku Nazzjonalista tar-Rabat innota anke “l-akkużi u aġġettivi mmirati biex imqanqla ħalli l-poplu jehda jżebblaħ.” Ħaġa li tkomplu turi kemm il-mibegħda minn sħabu fil-PN u l-attakk fuq Clint Camilleri u martu qed iqażżeż lin-nies, anke lil dawk fl-istess kamp politiku.
Hu żied jgħid li “allura jien qed nitlob jew nippretendi ħafna jekk, almenu, għall-festi tal-Milied biss tieqfu minn din il-logħba tagħkom (għax logħba hi) u tħallu l-poplu jiffesteġġja dawn il-festi mal-familji tagħhom fil-paċi u l-kwiet.”
Ta’ min ifakkar, kif din il-ġimgħa stess, il-Viċi Sindku Nazzjonalista taż-Żebbuġ, Għawdex, Daniel Cordina qal li, b’wiċċu bil-quddiem, jista’ jaħlef li hu dejjem sab appoġġ mill-uffiċjali ta’ Transport Malta dwar l-irmiġġi fil-Port tal-Imġarr, mingħajr qatt ma ntalab iħallas jew ixaħħam lil xi ħadd, kif allega l-Partit Nazzjonalista stess.
Dwar dan, ONE News ukoll żvela kif, wara dan il-messaġġ, Cordina spiċċa mhedded u rrikattat mid-Dar Ċentrali stess.
Sadanittant, Sindku ieħor, din id-darba dak Tas-Sannat Philip Vella, ukoll innota din il-mibegħda u kif tal-PN moħħhom biss biex jitfgħu lin-nies il-ħabs u appella għall-għaqda partikolarment f’dawn iż-żminijiet ta’ festi.