Il-kumpanija internazzjonali għar-reklutaġġ fis-settur tal-avjazzjoni, Qualitair, se tibda topera minn Malta.
Qualitair ilha għaxar snin tipprovdi r-riżorsi umani għat-tiswija tal-ajruplani, u issa se tiftaħ uffiċini fl-ajruport Malti biex tħarreġ aktar riżorsi umani f’kull qasam tas-settur.
It-tkabbir bla preċedent fis-settur qed joħloq domanda kbira fl-impjiegi, iżda r-riżors uman huwa limitat. Għaldaqstant, bl-investiment ta’ Qualitair f’pajjiżna, din id-domanda mistennija tkun indirizzata, tant li l-kumpanija diġà ffirmat ftehim mal-Kulleġġ Malti għall-arti, xjenza u tekonoloġija l-MCAST biex tħarreġ studenti fl-industrija b’esperjenzi barra minn xtutna.
Id-Direttur Maniġerjali Paul Conway spjega li fid-deċiżjoni tagħha biex tinvesti f’Malta, il-kumpanija nnutat l-investiment qawwi tal-Gvern fis-settur tal-avjazzjoni.
Il-Ministru tat-Turiżmu, Konrad Mizzi nnota li s-settur tal-avjazzjoni qed joffri xogħlijiet ta’ kwalità; u din is-sena, diġà ġiet irreġistrata żieda ta’ ħamsa fil-mija fil-persuni li ġew impjegati fl-industrija meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena l-oħra.
Mizzi qal kif “Malta qed issir regional hub u aħna rridu nassiguraw issa li t-travel and tourism sector, il-benefiċċji tiegħu, ikompli jkabbar l-ekonomija biex inkunu nistgħu bħala Gvern ninvestu aktar fl-edukazzjoni, fit-toroq, fis-saħħa u f’setturi oħrajn”