Dakinhar li allegatament qatel lil Bernice Cassar, Roderick Cassar ċempel lil missier il-vittma u, għal darba, darbtejn, qallu: “Qtilthielek, qtilthielek”.
Xehed dan Joseph Cilia, missier il-vittma, meta fil-Qorti kompliet il-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ Roderick Cassar, li jinsab mixli bil-qtil ta’ martu Bernice f’Raħal Ġdid, f’Novembru li għadda.
Waqt xhieda emozzjonanti fil-Qorti quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud, missier il-vittma spjega kif ir-relazzjoni bejn l-imputat u l-vittma kienet dejjem sejra għall-agħar.
Irrakkonta kif, darba minnhom, l-allegat qattiel kien hedded lil martu li t-tnejn li huma mhux se jaraw lil uliedhom u li kien se jtajrilha rasha quddiem missierha.
Fil-Qorti, missier il-vittma qal li Roderick u Bernice ta sikwit kien ikollhom xi jgħidu quddiem uliedhom. Intqal kif darba minnhom qal li, jekk ma jgawdihomx hu, ma jgawdihom ħadd.
Missier Bernice qal li, lil waħda mit-tfal tiegħu, Roderick Cassar qalilha li lilha ma jħobbhiex għax tipproteġi lill-ommha.
Missier il-vittma qal ukoll li huma saru jafu b’dawn l-affarijiet għax Bernice bdiet tikteb l-istorja ta’ ħajjitha fuq il-kompjuter.