Għadu ma ġiex iddentifikat il-katavru ta’ ragel li nstab fi stat qawwi ta’ dekompożizzjoni f’appartament f’Santa Luċija, minkejja li saret l-awtopsja.
F’konferenza tal-aħbarijiet il-kelliem għall-korp tal-pulizija Brandon Pisani qal li f’din ir-residenza kien jgħix fiha Victor Mckeon ta’ 62 sena, u miegħu kien jgħix persuna barranija, li qiegħed jiġi mfittex mill-pulizija.
Il-pulizija ħadet testijiet tad-DNA tal-qraba ta’ Mckeon sabiex jiġi stabbilit jekk il-katavru huwiex ta’ Victor Mckeon.
Mill-awtopsja ħareġ li l-vittma miet fgat u qala’ daqqiet f’rasu
Kelliem għall-Pulizija, Brandon Pisani qal: “Instabu daqqiet fuq rasu bi strument jew għodda li taqta’ u kien hemm suffakazzjoni.”
L-investigazzjonijiet li qed jitmexxew mill-ispettur Keith Arnaud qed jistabilixxu jekk il-qtil seħħx fl-appartament.
Is-Sur Pisani sostna: “Dwar jekk inqatilx fil-post jew le dik ukoll qiegħda tiġi investigata minħabba li l-mod kif instab l-katavru mgeżwer fil-boroż u bid-demm mhux qed jiġi eskluż li inqatel fil-post imma l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjien biex tiġi stabilita din il-ħaġa.”
Kien rapport mill-ġirien li wassal għas-sejba tal-katavru wara li kien hemm riħa tinten. Bil-ġirien qalu lill-pulizija li kienu ilhom madwar ġimgħa ma jaraw lil Mckeon.
Pisani kompla jispjega: “Malli daħlu fl-appartament ġiet innutata kutra b’ħafna demm. Baqgħu deħlin il-ġewwa u kien xugaman li jagħlaq l-arja u sabu ġisem.”
F’Awissu 2017 kien diġa seħħ argument f’dan l-appartament f’Misraħ Dorell Santa Luċija. B’Victor Mckeon kien weġġa’ gravi wara li ġie attakkat b’sikkina.
F’April ta’ sena qabel Mckeon kien tressaq il-qorti wara li kien sawwat b’injama u qatel ferħ ta’ qattus għax kien deher mitluq. Huwa kien ġie arrestat wara li rema’ l-ferħ ta’ qattus ta’ ħames ġimgħat barra fit-triq.
L-investigazzjonijiet tal-pulizija dwar l-omiċidju qed jitmexxew mill-ispettur Keith Arnaud, mgħejjun mill-ispettur Hubert Cini.