Qiegħed jingħad, minn imkejjen qrib l-investigazzjoni kriminali, li l-ħames qtil għal din is-sena kien instigat minn argument dwar tifel. Tifel, li skont dak li hu l-allegat qattiel, kien stmat ħażin mill-vittma.
Kurt Grech, li bħalissa jinsab rikoverat Mater Dei, għandu wild minn ma’ mara li riċentament bdiet toħroġ ma’ Brandon Pace, il-vittma.
Jidher li Grech qal lill-investigaturi li dan kien qed jistma’ ħażin lil ibnu. Jirriżulta li l-argument dwar dan beda fuq it-telephone, sakemm eventwalment Grech u l-ġenituri tiegħu marru fuq il-post fejn imbagħad kien hemm il-ġlieda bis-skieken u l-madum.
Riżultat ta’ dan Pace spiċċa bla ħajja, u Grech ukoll jinsab l-isptar.
Aktar Qabel: Wieħed mill-persuni miżmuma b’rabta mal-qtil fil-Ħamrun ilbieraħ jinsab rikoverat fl-isptar Mater Dei. Dan għax hu wkoll sofra ġrieħi gravi. Fil-fatt iż-żagħżugħ, li hemm arrestat ukoll missieru, instab il-Pietà u minnufih intalbet l-assistenza biex jintbagħat l-isptar għall-kura. Filwaqt li l-missier qed jinżamm fil-kustodja tal-Pulizija d-Depot tal-Furjana.
Kien wara ġlieda bis-skieken u madum li Brandon Pace ta’ 21 sena spiċċa mingħajr ħajja bix-xena fil-qasam tad-djar tal-Ħamrun ilbieraħ filgħaxija kienet waħda fejn irrenjat ansjetà kbira bi qraba tal-vittma jinstemgħu jibku t-telfa tiegħu.
Pace, il-vittma, kien residenti l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin għal diversi drabi u ġġieled il-vizzju tad-droga wkoll tant li kien attenda wkoll xi programmi. Tagħrif li għandna jgħid li ħareġ mill-ħabs madwar ġimagħtejn ilu.