Fil-Qorti kompliet il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront ta’ Kurt Grech ta’ 23 sena u missieru Joseph li huma mixlija bil-qtil ta’ Brandon Pace, li kien magħruf bħala tal-Gallali. Pace nqatel b’ħames daqqiet ta’ sikkina fit-2 ta’ April f’residenza l-Ħamrun. Huwa nqatel wara argument dwar it-tifel tal-ex-tfajla tal-akkużat, Jessica Bilocca.
Donna Pace, oħt il-vittma xehdet fil-Qorti li ħuha kien ħareġ ħafi u żaqqu barra mill-appartament fil-Ħamrun u sab l-aggressuri ma’ wiċċu, bl-argument jibda mill-gallarija tal-appartament. Donna spjegat li mit-triq setgħet tara lil Kurt, l-ommu u lil missieru f’argument ma’ ħuha Brandon, is-sieħba tiegħu Jessica Bilocca u ommu. Kien f’dan il-punt li beda jintefa’ madum mill-gallarija. X’ħin daħlet fid-daħla tal-komun rat lil ħuha ħiereġ barra minkejja li omm l-vittma bdiet tipprova twaqqfu.
Anke oħtu, pruvat twaqqfu, iżda minkejja dan Pace xorta ħareġ jaffaċċja lil Kurt u missieru. Brandon qal lill-missier Kurt li ma riedx ikollu xi jgħid miegħu għax huwa anzjan, iżda minkejja dan il-missier xorta sfidah għall-ġlieda bil-ponn. Donna xehdet fil-Qorti li ħuħa, Brandon tal-Gallali, instema’ jsaqsi lil Kurt Grech għalfejn kien mar jiffaċjah armat bi skieken. L-argument inbidel f’wieħed vjolenti, b’ħuħa jaqla’ numru ta’ daqqiet ta’ sikkina quddiemha.
F’dan il-punt Pace kien mixħut fl-art, u prova jidħol fid-daħla tal-komun, iżda missier l-aggressur, Joseph Grech, tah daqqa’ ta’ sieq f’dahru. Ftit tal-minuti wara, ħuħa ħa l-aħħar nifsijiet ta’ ħajtu f’idejha.
Fil-Qorti ammettiet li meta rat lil ħuha mejjet hija daħlet fil-karozza tagħha biex tipprova ttajjar lill-aggressuri iżda kienu telqu minn fuq il-post. Fix-xhieda tagħha spjegat li minkejja li ħuħa ma kellux skieken f’idejh meta niżel jaffaċċja lil Kurt Grech u missieru, fl-argument rat sikkina f’idejh.
Id-difiża irtirat it-talba għall-ħelsien mill-arrest ta’ Kurt Grech fl-aħjar interess tal-ordni pubblika, iżda talbet għall-ħelsien mill-arrest ta’ missieru Joseph Grech, bid-deċiżjoni mistennija tittieħed fil-ġranet li ġejjin.