Fl-awla tal-Qorti kien hemm żvilupp ieħor b’rabta mal-każ tal-qtil ta’ Brandon Pace. Dan hekk kif Joseph Grech, li hu flimkien ma ibnu huwa mixli bil-qtil ta’ Brandon Pace, ingħata l-ħelsien mill-arrest.
Dan wara li l-Qorti laqgħet l-appell għad-deċiżjoni tal-Qorti li jinżamm arrestat fl-isptar Monte Carmeli sakemm tkompli l-kumpilazzjoni tax-xhieda. Grech ingħata l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €20,000 u garanzija personali ta’ €80,000.
Iben Joseph Grech, Kurt Grech għadu qed jinżamm arrestat fuq akkużi ta’ qtil ta’ Brandon Pace fil-Ħamrun fit-2 ta’ April. Ġlieda li seħħet bejn il-membri ta’ żewġ familji, ġlieda bis-skieken u l-madum.
Id-difiża qalet fil-Qorti li Grech kien instab ħati ta’ qtil ta’ fniek u ta’ offiżi tat-traffiku biss u argumentat li għajr dan il-kondotta tiegħu kienet nadifa. Id-difiża spjegat fl-awla tal-Qorti li wara li xehdu 24 persuna fadal biss omm il-vittma biex tixhed u qalet li l-akkużat żgur ma kellu ħsieb javviċinaha.