Qiegħed ikun irrapportat li l-Kolumbjan li miet wara li fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet kien imsawwat f’Paceville ġralu hekk wara li mar jaqbeż għal mara li ż-żewġ Libjani akkużati bil-qtil kienu qed idejquha kontinwament.
It-Times of Malta rrapportat dan wara li ż-żewġ suspettati ewlenin, it-tnejn Libjani, instabu moħbija fi gwardarobba f’appartament f’San Lawrenz, Għawdex.
Il-gazzetta rrapportat li Carlos Augusto, ta’ 37 sena, mar iwaqqaf liż-żewġ Libjani u qalilhom biex iħallu lill-mara barranija u ma jibqgħux idejquha. Jidher li b’konsegwenza l-ewwel qala’ daqqa ta’ tazza sakemm imbagħad kien imsawwat f’rasu bil-ponn. Kollox beda fi stabbiliment sakemm tkeċċew il-barra u s-swat kompla hemm.