L-ewwel omiċidju tas-sena li seħħ fl-10 ta’ Ġunju fil-Marsa ġara wara argument bejn l-allegat suspettat u l-vittma fuq flixkun tal-whisky.
Dan intqal fil-Qorti waqt il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-kontront ta’ Amo Frank Kwaku, raġel mill-Għana ta’ 25 sena li huwa akkużat bil-qtil ta’ Isaac Kwabena Kyere ta’ 23 sena mill-Ghana wkoll.
Fil-Qorti, l-Ispettur Wayne Camilleri qal kif meta l-pulizija qalet lis-suspettat li l-vittma miet fl-isptar, is-suspettat nħasad u waqa’ mal-art.
Intqal ukoll kif huwa ppanikkja u ma setax jemmen, hekk kif is-suspettat ħaseb li l-vittma kien għadu ħaj.
Fil-Qorti ntqal kif il-pulizija saret taf bil-każ għall-ħabta tal-10 ta’ filgħaxija wara ġlieda fi Triq it-Tiġrija fil-Marsa.
Intqal kif sabu l-vittma mimli bid-dmija, b’diversi daqqiet f’sidru.
Intqal ukoll kif sa dak il-ħin, il-vittma ta’ 23 sena kien għadu ħaj, iżda beda jitlef ħafna demm u kien qed ibati biex jieħu n-nifs.
L-uffiċjali tal-pulizija ppruvaw ikellmu lill-vittma, iżda huwa kien mitluf minn sensih.
Il-vittma miet aktar tard dak il-lejl, bl-awtopsja kkonfermat kif ir-raġel sofra minn 18-il daqqa ta’ sikkina.
Kien hemm daqqiet oħra fil-pala ta’ idejh u f’dirgħaj, li kienu ċċertifikati bħala daqqiet li saru wara li ddefenda ruħu.
Fuq l-post, żewġ persuni Afrikan li kienu viċin fejn ġara l-każ, spjegaw kif iż-żewġt irġiel iġġieldu fuq flixkun tal-whisky.