Wara li lbieraħ instab il-vann li x’aktarx ħa l-vittma tat-tielet qtil ta’ din is-sena sal-maħżen ta’ Ħal Qormi, iktar investigazzjonijiet stabilixxew li x’aktarx il-qtil sar f’wieħed mill-garaxxijiet tal-familja Mangion fis-Swieqi.
Fl-aħħar sigħat TVM irrapporta li l-mara, Eleanor Mangion Walker, inqatlet b’daqqa ta’ mannarett iżda sa issa l-arma tad-delitt għadha ma nstabitx. Li nstab fil-garaxx fis-Swieqi kienu traċċi ta’ dmija li qed iwasslu lill-investigaturi jaħsbu li kien f’dan il-post li l-mara qalgħet id-daqqa fatali li temmitilha ħajjitha.
Intant, ilbieraħ kien jum ieħor fejn l-investigazzjoni tal-pulizija ffokat fuq aspetti lil hinn mill-interrogazzjoni tar-raġel, Andre Mangion, li bħalissa għadu qed jingħata kura psikjatrika. Peró s-sejba tal-vann f’San Ġwann qed tkun meqjusa bħala prova kruċjali oħra u llum esperti forensiċi mistennija jkomplu jispezzjonaw dan il-vann ta’ taħt fuq bil-għan li l-pulizija tkompli saħħaħ il-każ tagħha kontra Mangion, l-allegat qattiel.