Kevin Micallef ta’ 42 sena ser jinżamm arrestat fit-taqsima forensika tal-Isptar Monte Carmeli, wara li tressaq il-Qorti mixli li nhar it-Tnejn li għadda qatel lil ommu Antonia ta’ 72 sena u l-zitu Maria Carmela ta’ 74 sena permezz ta’ daqqiet ta’ sikkina f’residenza tagħhom fil-Għargħur.
Permezz tal-avukata tal-għajnuna legali Dr. Martha Mifsud huwa wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih, iżda ma’ saritx it-talba għall-ħelsien mill-arrest.
L-Ispettur Kurt Zahra mill-Iskwadra tal-Omiċidji spjega li nhar it-Tnejn li għadda,il-Pulizija rċiviet telefonata mingħand Micallef stess fejn qal li kien għadu kif qatel l-ommu u l-zitu, u kif ukoll ċempel lill-ambulanza hu stess.
Malli waslu l-Pulizija, hu fetħilom il-bieb, fejn ġie arrestat u ttieħed l-Isptar Monte Carmeli fejn ġie rrilaxxat mill-arrest u nżamm bħala pazjent.
Micallef ġie mbagħad interrogat dalgħodu mill-Ispetturi Kurt Zahra u Elton Taliana, fejn hu kkonferma li kien qed jissuspetta li zitu u ommu kienu qed jitfawlu sustanza fil-kafe’ li din is-sustanza kienet qed tgħajjih. Apparti minn hekk hu ħass li meta kien jipprova joħroġ ma tfajla, ommu kienet qed iżżomm kontroll assolut fuqu.
Waqt l-interogazzjoni l-imputat qal li wasal biex għamel dan l-omiċidju għaliex wara li zitu għamlitlu l-kafe’, semaha tgħid lil ommu – ‘tgħid induna?’, ġabar sikkina mil-kċina mar fil-kamra tal-ħasil u hemmhekk wettaq id-delitt.
Min-naħa tiegħu l-Ispettur Elton Taliana mid-distrett ta’ Birkirkara qara l-akkużi miġjuba kontrih fosthom dawk ta’ omċidju doppju.
Micallef li kien jidher mhux daqshekk f’postu fil-qorti, irrisponda għal kull mistoqsija li għamlitlu l-qorti fosthom li jaħdem bħala self-employed.
L-ispettur Zahra qal li l-akkużat irrifjuta l-għajnuna legali waqt l-interrogazzjoni, u ppreżenta wkoll ċertifikat tal-psikjatra li jirrakomanda li l-akkużat jinżamm fit-taqsima forensika tal-Isptar Monte Carmeli.
Waqt il-kontro eżami l-Avukat Martha Mifsud talbet li jinħatar espert psikjatriku sabiex ikun jista’ janalizza s-sitwazzjoni tal-akkużat, hi rriservat ukoll id-dritt tagħha f’ isem l-akkużat li tikkontesta t-tehid u l-validita’ tal-istqarrija lill-akkużat għamel quddiem l-Pulizija.
L-Ispettur Taliana qal diġa ġie maħtur psikjatra apposta sabiex jiddetermina l-kundizzjoni tal-akkużat u jekk hux filfatt b’saħħtu biżżejjed biex jgħaddi l-proċeduri kriminali fil-Qrati.
Il-Prosekuzzjoni qalet li ttieħdu l-miżuri kollha neċċessarji li fil-fatt qabel tressaq l-imputat kien qed jinżamm fl-isptar Monte Carmeli u li kien il-psikjatra Dr. Beppe Micallef Trigona li ċċertifika li l-istess Micallef seta’ jiġi interrogat u għaldaqstant bla dubju l-istqarrija hija waħda valida u skond il-liġi.