Il-Pulizija għada ma tistax tinteroga lil Kevin Micallef, ir-raġel arrestat wara qtil doppju fil-Għargħur it-Tnejn filgħodu.
Il-vittmi huma ommu Antonia ta’ 71 sena u zitu Maria Carmela ta’ 74 sena fid-dar tagħhom fil-Għargħur.
Il-psikjatri għadhom ma tawx ir-rilaxx biex il-Pulizija tkun tista tinterroga lill-allegat qattiel. Fil-fatt għad tiġi stabbilita l-qagħda mentali tiegħu filwaqt li qed jinżamm bħala pazjent fl-Isptar Monte Carmeli.
Sorsi qrib l-investigazzjonijiet tal-Pulizija kkonfermaw; li malli l-Pulizija titħalla tinterrogah wara r-rilaxx tal-professjonisti, hija mistennija tressqu l-Qorti u tixlih b’ dan l-omiċidju doppju fost oħrajn.
Kien t-Tnejn filgħodu għal ħabta tas-sitta u nofs li Micallef ta’ ruħu b’idejh lill-Pulizija wara li qatel lill-zitu fuq il-post b’ daqqiet ta’ sikina tal-ħobż u fera għall-mewt lill-ommu, li mietet ftit tal-ħin wara fl-Isptar Mater Dei.
ONE News huwa nfurmat ukoll li sa t-Tlieta wara nofs in-nhar il-Maġistrat Inkwirenti Claire Stafrace Zammit kienet għadha ma tatx ir-rilaxx tal-katavri tal-vittmi.
Dan minkejja lill-awtopsji fuqom saru t-Tnejn wara nofs in-nhar u li ddetterminaw li dawn mietu kawża ta’ daqqiet f’għonqom u f’ sidirom.
Matul il-jum tat-Tlieta l-investigaturi komplew ikellmu aktar qraba tal-vittmi u l-agressur, flimkien mal-ġirien sabiex ikunu jistgħu jifmhu aħjar is-sitwazzjoni.
S’ issa jidher ukoll lill-unika mottiv wara din l-agressjoni li nbidlet f’ omiċidju doppju, hi li Micallef waħħala f’ rasu li zitu kienet qed titfalu l-kalmanti fil-kafe’ li tagħmilu ta’ kull filgħodu!
Qed ikun allegat li wara li hu nfexx f’zitu, kienet ommu li daħlet tferraqom u li qalet bosta daqqiet hi wkoll.
Filfatt jidher li Kevin Micallef ta’ tnejn u erbgħin sena qatt ma’ xelef difrejh mal-ġustizzja.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija qed jitmexxew mill-Iskwadra tal-Omiċidji bil-għajnuna tal-Pulizija mid-Distrett ta’ Birkirkara.