Il-ġlieda li wasslet għall-qtil ta’ Roderick Grech magħruf bħala ċ-China bdiet meta l-allegat agressur tiegħu, Ettiene Bartolo ma kellux flus biex iħallas id-droga li xtara mingħandu.
Dan ħareġ mix-xhieda tas-Surġent Brady Zammit meta kompliet tinstema l-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Bartolo, magħruf bħala l-Vojt, ta’ sitta u tletin sena minn Birkirkara.
Il-Qorti semgħet kif din ma kinitx l-ewwel darba li l-akkużat xtara d-droga m’għand il-vittma u li l-bejgħ sar fil-karozza tal-vittma stess fejn kien attakkat bil-mus fis-siegħat bikrin tad-disgħa u għoxrin ta’ Marzu. Is-Surġent xehed li l-akkużat, fl-ammissjoni ta’ ħtija, li ta mingħajr l-assistenza legali, qal li dar għalih bil-mus biex jipproteġi lilu nnifsu meta Grech refa’ idu fuqu, u ħarab minn fuq il-post immedjatament.
Is-surġent qal lill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, kif fil-ħdax ta’ filgħodu tal-għada, il-Pulizija għamlet tfittxija fir-residenza tal-akkużat fejn instab żarbun bid-demm fuqu taħt is-sodda.
Mal-arrest, Bartolo qal lil pulizija wkoll li rema l-mus, li ma kienx rikoverat mill-puliżija u tagħhom il-ħwejjeġ li kien liebes meta seħħ l-omiċidju, li marru għall-investigazzjonijiet forensiċi.