Matul it-tielet kwart tas-sena, jiġifieri fl-eqqel tas-sajf, qasmu l-fliegu aktar minn 1,800,000 passiġġier.
Statistika li ħareġ l-uffiċċju nazzjonali tal-istatistika wera żieda ta’ 3.4%meta n-numru tqabbel mal-istess perjodu s-sena l-oħra.
Matul Awwissu li għadda, qasmu bejn Malta u Għawdex kważi 650,000 persuna, jew ftit aktar minn 35% tal-ammont kollu ta’ persuni li qasmu bejn Lulju u Settembru li għadda.
Fil-kuntest tal-introduzzjoni tar-raba’ vapur t’Għawdex, żdiedu anki l-ammont ta’ vjaġġi, kważi 22% iżjed meta mqabbel ma’ Lulju, Awwissu u Settembru tas-sena l-oħra.
Fil-fatt l-ammont ta’ vjaġġi bejn Malta u Għawdex kienu jgħoddu t-8,240.
Bħall-ammont ta’ persuni, l-akbar ammont ta’ vjaġġi saru f’Awwissu li laħqu ftit aktar minn 2,800.
L-aktar ġranet li l-port taċ-Ċirkewwa ra attività kienet fil-jiem tal-Ġimgħa u s-Sibt filwaqt li kif mistenni, il-Port tal-Imġarr ra ħafna attività għall-passiġieri s-Sibt u l-Ħadd u għal dawk li vjaġġaw bil-vetturi, il-Ħadd u t-Tnejn.