Fi tliet xhur daħlu qrib it-3,000 applikazzjoni mal-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni, il-BCA, għal-liċenzja tal-kuntratturi fl-industija tal-kostruzzjoni.
Qabel jingħalqu l-applikazzjonijiet, nhar it-Tlieta li ġej, il-gazzetta KullĦadd tkellmet maċ-Chief Officer tal-Awtorità.
“Sa Ottubru se nibqgħu nirċievu l-applikazzjonijiet kif inhuma u nħeġġeġ lil dawk in-nies kollha li huma interessati jibqgħu joperaw f’dan is-settur, jiġifieri fil-kostruzzjoni tal-bini, twaqqigħ u skavar biex sal-aħħar ta’ Ottubru jdaħħlu l-applikazzjoni għax imbagħad wara Ottubru, min ħa japplika mill-ewwel ta’ Novembru ’l hemm se jkollu bżonn jistenna l-approvazzjoni proviżorja mingħand il-kumitat li se jkun dedikat għal-liċenzjar.”
Huwa spjega wkoll li min ma japplikax sa nhar it-Tlieta, ma jistax jaħdem fis-settur.
Jekk xi ħadd japplika mill-ewwel ta’ Novembru ’l quddiem, irid jistenna l-approvazzjoni proviżorja li toħroġ mill-kumitat apposta fi ħdan l-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni, u dan jista’ jibqa’ jseħħ sa Mejju tas-sena d-dieħla.
F’din l-intervista, Farrugia appella biex dawk li jridu japplikaw jagħmlu dan sa nhar it-Tlieta li ġej, fuq is-sit tal-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni: www.bca.org.mt.
Huwa żied jgħid li l-Kumitat li se jevalwa l-applikazzjonijiet għandu massimu ta’ sittin ġurnata biex jirrispondi għal tali applikazzjonijiet u dan dejjem jekk id-dokumenti kollha jkunu ġew sottomessi.
Iċ-Chief Officer tal-Awtorità tenna li fil-ġimgħat li ġejjin, se tintbagħat email lil dawk li applikaw biex tinfurmahom li jistgħu jidħlu fis-sit elettroniku tal-BCA biex idaħħlu d-dokumenti li jonqoshom, biex ikollhom il-liċenzja.
Huwa fakkar ukoll li mill-bidu tal-2025, ħadd ma jista’ jaħdem mingħajr liċenzja tal-kuntratturi.