Fl-ewwel kwart ta’ din is-sena naqas l-ammont ta’ karozzi liċenzjati fit-toroq.
Statistika tal-Ufiċċju Nazzjonali tal-Istatistika wriet li bejn Jannar u Marzu li għadda kien hawn ftit anqas minn erba’ mitt elf karozza liċenzjati (397,391).
Dan fisser tnaqqis ta’ mija u sbatax-il karozza fuq ir-raba’ kwart tas-sena l-oħra.
Il-biċċa l-kbira tal-karozzi liċenzjati kienu dawk tal-passiġġieri.
Fil-fatt dawn kienu 77.1% tal-karozzi liċenzjati kollha fit-toroq matul l-ewwel tliet xhur tal-2020.
13.8% oħra kienu vetturi kummerċjali filwaqt li 8% kienu fost l-oħrajn muturi.
Il-vannijiet u coaches ammontaw għall-inqas minn 1% tal-vetturi liċenzjati fil-perjodu msemmi.
5,269 karozza ġew irreġistrati bħala karozzi ġodda fit-toroq u 71.2% minnhom kienu karozzi tal-passiġġieri.
Sadanittant fl-ewwel kwart ta’ din is-sena 8,670 karozza ġew miġbura mit-toroq.
Kważi nofshom (46.8%) ittieħdu f’garaxx, aktar minn kwart minnhom (27.3%) tpoġġew mill-ġdid għall-bejgħ u ftit inqas minn kwart minnhom (23.6%) ġew skrappjati.
Il-biċċa l-kbira tal-karozzi liċenzjati fit-toroq tagħna kienu jaħdmu bil-petrol iżda kellek ukoll 4,803 karozza hybrid u elettrika.
Din fissret żieda fuq ir-raba’ kwart tas-sena l-oħra.