Studju li sar mill-Bank Ċentrali ta’ Malta f’Mejju li għadda wera li kien hawn qrib id-disat elef proprjetà għal kiri mniżżlin mas-sit Airbnb.
Dawn il-proprjetajiet hu stmat li kapaċi jiġġeneraw medja ta’ €2,400 fix-xahar għal 4,000 ospitant.
Il-proprjetajiet offruti f’Malta permezz tal-pjattaforma tal-airbnb potenzjalment jistgħu joffru mat-8 miljun lejl u jistgħu jiġġeneraw dħul ta’ aktar minn €100 miljun.
Il-prezz medju għal kull lejl kien ta’ €80.
L-istudju li sar b’informazzjoni misjuba online għaliex is-sit airbnb, li joffri kiri mhux fit-tul ma tantx jagħti informazzjoni, juri li tnejn minn kull tliet proprjetajiet huma appartamenti, segwiti minn djar u vilel.
L-istudju dwar il-proprjetajiet offruti għall-kiri f’Malta fuq is-sit airbnb juri li l-aqwa lokalitajiet li joffru proprjetà kienu tas-Sliema, San Pawl il-Baħar u San Ġiljan.
Bir-raħal kwiet taż-Żebbuġ, Għawdex ukoll jinsab fost l-aqwa 10.
Il-biċċa l-kbira tal-proprjetajiet għal kiri huma residenzi sħaħ, segwiti minn kmamar privati.
Il-Bank Ċentrali qal li proprjetà b’pixxina kapaċi tgħolli l-prezz tal-kirja b’wieħed u għoxrin fil-mija filwaqt li għal veduta tal-baħar tista’ tħallas 14% aktar.
Il-Bank Ċentrali qal ukoll li minħabba li numru ta’ proprjetajiet mhumiex fis-suq tad-djar fit-tul dan jista’ jwassal għal żieda fil-prezzijiet tad-djar bi 2.8%.