Il-qraba se jitħallew jibqgħu jaraw lill-anzjani fid-djar residenzjali bl-introduzzjoni ta’ miżuri ġodda abbażi tad-direzzjonijiet mill-Awtorità tas-Saħħa Pubblika.
L-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali se tkun qed tiżgura wkoll li kull ġimgħa jsiru attivitajiet li jferrħu u jżommu lill-anzjani okkupati f’dawn ir-residenzi.
Fil-faċilità għall-kura fit-tul San Vinċenz De Paul ġew stabbiliti ‘visiting points’ fejn il-qraba se jiġu ggwidati lejn ‘visiting point’ partikolari abbażi tas-sala li fiha r-resident li jkunu ġew iżuru. Mhux se jkun permess dħul fil-faċilità mingħajr dan l-ilbies protettiv. Iż-żjarat se jsiru kif indikat hawn taħt:
- Iż-żjarat se jsiru mit-Tnejn sal-Ħadd bejn id-9.30 u l-11 ta’ filgħodu u bejn il-5 ta’ waranofsinhar u s-7 ta’ filgħaxija.
- Il-viżitaturi għandhom iċemplu fuq in-numru 22912373 jew jibagħtu email fuq mfcs@gov.mt sabiex jingħataw appuntament għaż-żjara.
- Dan għandu jsir minn jumejn qabel iż-żjara skont kif ikun skedat.
- Il-massimu ta’ ħin għaż-żjara huwa ta’ kwarta.
- Iż-żjarat se jkunu qed isiru minn wara perspex.
- Kull resident/a jista’ jirċievi sa massimu ta’ 4 persuni waqt il-ħin taż-żjara skedata għalih/a, skont il-linji gwida mid-dipartiment tas-saħħa pubblika.
- Se jkun hemm parkeġġ wieħed allokat għal kull żjara barra d-dħul prinċipali ta’ San Vinċenz de Paul.
- Se jkun hemm post addattat fejn l-entratura biex il-viżitaturi jirreġistraw skont lappuntament skedat. Il-viżitaturi għandom jippreżentaw il-karta tal-identità biex jinħareġ pass biex wara li jsir l-iscreening meħtieġ, jidħlu fir-residenza.
- Se jkun provdut shuttle service mill-entratura prinċipali għall-visiting points.
- Il-viżitaturi jridu jilbsu l-maskra u/jew il-visor tagħhom qabel jidħlu mill-entratura prinċipali ta’ San Vinċenz. Waqt iż-żjara dan l-ilbies protettiv m’għandu jitneħħa fl-ebda ħin.
- Dawk il-qraba li jġibu xi mediċini lir-residenti huma mħeġġa li jġibu konsenja ta’ mediċini għal madwar xahrejn. Il-mediċini ser jitħallew mas-security fid-daħla prinċipali u jintbagħtu fis-sala għar-resident/a partikolari.
- Viżitaturi u familjari jistgħu jġibu xi oġġetti bħal ilma jew ikel li ma jkollux bżonn li jitpoġġa ġo fridge jew friża. Dan jista’ jsir waqt il-ħin tal-visti. L-oġġetti jistgħu jitħallew flentratura prinċipali ta’ San Vinċenż.
- Importanti li kull oġġett ikun indikat ċar bl-isem tar-resident kif ukoll is-sala.
Dan filwaqt li fid-djar tal-anzjani tal-Gvern, tal-Knisja u dawk privati ser jiġu introdotti miżuri biex ikun evitat kemm jista’ jkun it-tixrid ta’ infezzjoni qalb ir-residenti. Iż-żjarat f’dawn id-djar se jsiru kif indikat hawn taħt:
- Kull dar tal-anzjani għandha tidentifika żona sabiex isservi bħala visiting area. Din trid tkun sigura u jrid ikun hemm ħġieġ jew perspex li jisseparaw l-anzjani minn mal-qraba.
- Iż-żjarat kollha se jiġu skedati permezz ta’ appuntament. Il-viżitaturi għandhom iċemplu d-dar tal-anzjani partikolari sabiex jagħmlu appuntament.
- Il-massimu ta’ viżitaturi li jistgħu jidħlu waqt vista waħda huwa ta’ 4. Kull resident se jingħata ħin ta’ 15-il minuta.
- La darba dawk il-15-il minuta jkunu għaddew, ir-resident se jitlaq mill-visiting area sabiex resident ieħor ikun jista’ jiltaqa’ mal-qraba tiegħu. Meta jsir dan, il-miżuri sanitarji neċessarji jridu jiġu segwiti.
- Il-ħinijiet taż-żjarat għandhom jiġu skedati mid-djar residenzjali rispettivi u ssir komunikazzjoni mal-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali.
- Il-viżitaturi kollha jridu jilbsu maskra jew visor tul il-ħin kollu taż-żjara.
- Waqt il-ħinijiet taż-żjarat, l-impjegati tad-djar tal-anzjani jridu jżommu l-areas identifikati għaż-żjarat disponibbli.
Is-segretarjat għall-Anzjanità Attiva u Persuni b’diżabbilità appella għall-koperazzjoni mill-viżitaturi biex b’hekk tibqa’ tiġi assigurata s-saħħa tar-residenti.