Il-funeral tal-eks stilla ta’ One Direction, Liam Payne, li miet fis-16 t’Ottubru wara waqgħa minn gallarija f’lukanda Buenos Aires l-Arġentina, sar ilbieraħ f’servizz privat f’Amersham Buckinghamshire fil-Majjistral ta’ Londra. Payne kien jgħix fir-raħal qrib ta’ Chalfont St Giles.
L-eks kollegi tiegħu f’One Direction, Harry Styles, Louis Tomlinson, Niall Horan u Zayn Malik kienu fost dawk li attendew flimkien mat-tfajla ta’ Payne Kate Cassidy u l-eks sieħba tiegħu Cheryl li hija wkoll omm ibnu Bear. Sħab Cheryl mill-grupp Girls Aloud, Kimberley Walsh u Nicola Roberts kif ukoll l-eks boss ta’ One Direction Simon Cowell kien hemm ukoll u anke l-preżentaturi James Corden, Marvin u Rochelle Humes, Scott Mills u Adrian Chiles.
It-tebut wasal fil-knisja f’karru tal-mejtin miġbud minn żwiemel bojod u wara s-servizz kien meħud fuq l-ispallejn mill-Knisja ta’ Santa Marija segwiet mill-ġenituri tiegħu u Cheryl. Fost il-fjuri kien hemm dawk bil-kliem ‘iben’ u ‘papà’ kif ukoll bil-forma ta’ ballun u pins tat-ten pin bowling b’riferenza għal dak li kien iħobb jipprattika fil-ħin liberu tiegħu.
Folla żgħira ta’ nies tal-lokal inġabru barra l-knisja, iżda fil-biċċa l-kbira tagħhom is-segwaċi żammew ’l bogħod hekk kif fuq post fuq il-mezzi soċjali, membri tal-grupp One Direction kienu ddikjaraw li filwaqt li serati ta’ tifkira huma għas-segwaċi, il-funerali huma għall-familja.