Il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja kkonfermat ir-regolamentazzjoni tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill Ewropew li tipproteġi l-Budget Ewropew minn użu ħażin minn stati Ewropej li ma jħarsux il-kunċett tas-saltna tad-dritt. Dan billi lil dawn l-istess stati ma ttihomx fondi.
Dan wara azzjonijiet legali separati quddiem il-Qorti Ewropea fil-konfront ta’ din ir-regolamentazzjoni mill-Ungerija u l-Polonja.
Lura fl-2020 Malta kienet katalista fid-diskussjonijiet favur din ir-regolamentazzjoni waqt summit tal-Kunsill Ewropew u li għalih attenda l-Prim Ministru Robert Abela.
Dakinhar il-Polonja u l-Ungerija, li għandhom Gvernijiet b’partiti li kienu jew huma msieħba fl-istess familja tal-Partit Nazzjonalista, il-Partit Popolari Ewropew Nazzjonalista bdew jheddu li jużaw il-veto fuq il-Budget Ewropew.
Dan b’reazzjoni għall-mekkaniżmu sabiex l-istess Unjoni Ewropea twaqqaf il-fondi lill-pajjiżi li ma jħarsux lejn is-saltna tad-dritt.
Madankollu dakinhar intlaħaq ftehim u l-mexxejja Ewropej qablu fuq il-ftehim għall-budget Ewropew u l-fond tal-irkupru Ewropew.
Fis-sentenza tagħha, il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja sostniet li l-ħarsien tal-valuri Ewropej hija kundizzjoni sabiex kull stat igawdi mid-drittijiet kollha tiegħu bħala stat membru Ewropew.
Qalet, “The full court hereby dismisses the action. The court orders Hungary to bear its own costs and to pay the costs incurred by the European Parliament and the Council of the European Union.”
Fid-dawl ta’ din is-sentenza mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja issa l-Parlament Ewropew qed jistenna li l-Kummissjoni Ewropea tapplika dan il-mekkaniżmu b’ħeffa.