Id-diska ta’ Adele li ħarġet fl-2015 ‘Million Years Ago’ taf titneħħa milli tinstema’ bi kwalunkwe mezz globalment hekk kif qed tiġi akkużata li hija kkupjata.
L-Imħallef Victor Torres li jippresidi f’qorti l-Brażil, ordna lis-sussidjarji Brażiljani tal-kumpaniji Sony u Universal biex immedjatament u madwar id-dinja jieqfu milli jirriproduċu, jeditjaw, iqassmu jew jikkummerċjalizzaw id-diska ‘Million Years Ago’ bi kwalunkwe mezz, kemm fiżiku kif ukoll diġitali u fuq pjattaformi tal-istreaming jew tqassim.
Id-diska, li kienet ħarġet fl-album ta’ Adele ‘25’, ilha f’battalja ta’ akkużi ta’ ikkuppjar f’każ li tressaq mill-kompożitur Brażiljan Toninho Garease fejn qed jgħid li din id-diska hija kkupjata mid-diska samba ‘Mulheres’ li kien ħareġ fl-1995 u li l-kantant Martinho da Vila kien irrekordja fl-album tiegħu ‘Tá Delícia, Tá Gostoso’.
Geraes qed ifittex lil Adele għat-telf ta’ dħul mid-drittijiet tal-awtur, $160,000 f’danni morali u li ismu jingħata kreditu fuq id-diska tagħha.
Id-devjat tal-Imħallef Torres jgħid ukoll li Sony u Universal jeħlu multa ta’ $8,000 għal kull darba li ma jżommux mad-deċiżjoni mogħtija għalkemm għad jistgħu jappellaw din is-sentenza.
L-avukat ta’ Geraes, Fredimio Trotta qal li din is-sentenza tal-Imħallef Torres hija waħda storika għall-mużika Brażiljana hekk kif allega li kemm-il darba l-mużika ta’ dan il-pajjiż ġiet ikkupjata f’diski ta’ suċċess f’partijiet oħra tad-dinja. Huwa qal li se jaħdem bis-sħiħ sabiex din id-deċiżjoni ssir magħrufa mis-servizzi kollha tal-istreaming, radjijiet u xandara televiżivi.