“Qomt f’nofs ta’ lejl bit-twerżiq u t-tisbit mal-bieb ta’ barra, u leħen binti tgħajjatli għall-għajnuna. Jien u missierha qomna niġru, ftaħt il-bieb u nsibha bi flokk imqaċċat, wiċċha aħmar nar b’forma t’id għadha tidher friska fuq sidirha.”
Bintha, li għandha inqas minn 18-il sena, sfat vittma ta’ attentat stupru. Omm emozzjonata qasmet l-esperjenza ta’ bintha miegħi, għal għarrieda, meta bdiet tavża lil kull tfajla li toqgħod fil-viċinanzi b’dan ir-raġel li kien qed iħuf it-toroq tar-raħal. Għalhekk, meta ftit tal-ġimgħat wara ġiet fuqi tgħidli li wara investigazzjoni intensiva r-raġel kien identifikat u nstab, ħassejt soljev imma ħsiebi dlok mar fuq il-vittmi l-oħra, li siekta se jibqgħu jġorru magħhom episodju trawmatiku tul ħajjithom.
Fl-2015, f’pajjiżna l-pulizija rċiviet 23 rapport ta’ każ ta’ stupru. F’kollha kemm huma l-vittmi kienu nisa. Għal gżira fejn il-maġġoranza jħossuhom siguri għaddejjin fit-triq waħedhom, din żgur li hi figura allarmanti, iżda fil-verità dan l-ammont mhuwiex rappreżentattiv u l-każijiet ta’ stupru huma iktar numerużi. Dan għax, minbarra li hemm vittmi li jagħżlu li ma jkellmux lill-pulizija, hemm oħrajn li jirrappurtaw il-każijiet taħt kappa oħra ta’ vjolenza jew offiża volontarja.
Is-sena li għaddiet tressqu sitt persuni l-Qorti akkużati bi stupru, tnejn minnhom kienu marbuta ma’ każijiet ta’ stupru li ġraw fl-2014 u l-oħrajn b’rabta ma’ każijiet li saru fl-istess sena. Jekk misjub ħati, il-liġi Maltija tistipula li kull min, bil-vjolenza, jikkommetti stupru fuq persuna, irrispettivament jekk hux mara jew raġel, jingħata l-piena ta’ priġunerija. Ikun f’idejn il-ġudikatura li tagħżel it-tul ta’ żmien ta’ ħabs, b’minimu ta’ tliet snin u massimu ta’ disa’ snin, u jekk is-sentenza tkunx skontata bir-reklużjoni jew mingħajrha.
Irrispettivament jekk vittma tmurx għand il-pulizija jew l-isptar, Victim Support Malta joffru diversi servizzi taħt il-kappa ta’ Care for Victim of Sexual Assault. Is-servizzi, li jingħataw b’mod personalizzat skont il-bżonn tal-vittma, huma offruti kemm immedjatament wara l-aggressjoni u anke snin wara. Dawn jinkludu assistenza ta’ emergenza ta’ social worker fl-isptar u għand il-pulizija, pariri u rappreżentazzjoni legali ta’ avukati l-Qorti b’xejn u servizzi psikoloġiċi bla ħlas, fost oħrajn.