Il-Ministru għall-Kultura, Owen Bonnici, ħabbar fil-parlament li Patrimonju Malta (Heritage Malta) għamlet qligħ ta’ 300 elf ewro matul is-sena li għaddiet u kellha għadd rekord ta’ 1.3 miljuni viżitaturi li ħallsu seba’ miljun ewro f’biljetti tad-dħul. Dawn il-flejjes jerġgħu jiġu investiti f’Ħeritage Malta.
Meta kien qed jintroduċi mozzjoni biex il-Kamra tapprova l-estimi ta’ Heritage Malta u tas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali, il-Ministru Bonnici qal li peress li matul l-2017 tilfu żewġ siti maġġuri: il-Palazz tal-President u l-Ipoġew, kien qed ibassar telf.
Matul is-sena, Heritage Malta għamlet 250 avveniment u wirjiet. L-aktar li ntgħoġbot kienet il-wirja tas-sejf ta’ De Valette, li ġibdet 80 elf viżitatur, inkluż tfal.
Il-Ministru qal li s-Sovrintendenza Patrimonju Kulturali huwa uffiċċju delikat u s-sena 2018 trid tkun is-sena ta’ differenza fejn l-aġenzija żżid il-viżibilità. Ħabbar li fuq tliet snin se jiġu impjegati 25 persuna biex ilaħħqu mal-ammont ta’ xogħol ġdid li jrid isir frott tar-riformi li saru biex jitħares il-wirt storiku. Minn 20 talba dawn żdiedu għal 200 fil-ġimgħa.
Dr Bonnici qal li l-ftehim kollettiv tal-impjegati tas-sovrintendenza ilu li skada numru ta’ snin. Dan huwa inaċċettabbli għax il-ħaddiema jixirqilhom l-aqwa kundizzjonijiet. Huwa rringrazzja lill-GWU tal-għajnuna kbira li tat fin-negozjati biex tidħol żiffa ġdida. Il-Ministru stieden lill-istudenti tal-arkeoloġija jikunsidraw karriera fis- sovrintendenza.
Huwa ħabbar li wara 15-il sena ġiet żblukkata l-kwistjonu tal-warrants għall-Konservazzjonisti.
Fost il-kwistjonijiet li hemm bħalissa hija dwar il-pittura li tinġab Malta għall-wiri u d-diffikultajiet li jkun hemm biex terġa’ toħroġ mill-pajjiż. Trid tinbidel il-liġi biex tagħti poteri ġodda li jagħmlu sens fiż-żmienijiet tal-lum.