Lejlet Ħadd il-Palm, fil-Parroċċa ta’ Ħal Għaxaq, spikka l-entużjażmu tad-dilettanti u l-voluntiera tal-Ġimgħa l-Kbira li kienu qed iħejju għall-funzjoni u l-purċissjoni tal-Ħadd.
Dan wara nuqqas ta’ sentejn minħabba l-pandemija u r-restrizzjonijiet li ġabet magħha.
F’Ħadd il-Palm se jsiru tliet purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira, f’Ħal Għaxaq, fil-Għargħur u fil-Qala Għawdex.
Fost il-voluntiera li kien hemm jagħtu daqqa t’id fil-Parroċċa ta’ Ħal Għaxaq sibna lil John Ciantar, li ilu jerfa’ għal dawn l-aħħar ħamsa u tletin sena.
Ciantar tenna, “L-emozzjonijiet huma kbar għaliex l-affarijiet kienu jidhru li se jkunu diffiċli. Għalkemm kulħadd jgħid li se ngħaddu minnha, qisu li ma erfajtx xorta tħoss dik il-weġgħa. Ilni ħafna snin nerfa’, allura dawn is-sentejn kienu ħafna. Għandna entużjażmu kbir, qisna se nerfgħu l-ewwel darba.”
Il-Parroċċa ta’ Ħal Għaxaq għandha tmien vari; kollha mżewqa b’xemgħat u bukketti tal-fjuri l-ġmiel tagħhom.
Il-Kappillan ta’ Ħal Għaxaq spjega magħna li l-purċissjoni tal-Ħadd se tkun speċjali għaliex din il-parroċċa qed tbiddel il-vari tal-Ġimgħa l-Kbira u din is-sena se żżanżan il-ħames vara; dik tal-Veronika.
Dun Andrew Schembri spjega li din il-vara toħloq stampa ċara u realistika tal-ġrajja li baqgħet tidwi għal dawn l-aħħar elfejn sena.
Dun Schembri qal, “Il-ħidma tal-Kummissjoni, flimkien mal-artisti Camilleri Cauchi, Aaron u missieru Alfred li kkummissjonaw din l-istatwa biex tkompli żżid u tissebbaħ purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira.”
Dawk li jkunu qed jistennew b’ħeġġa dawn iż-żminijiet, se jkunu jistgħu jerġgħu jgawduhom wara nuqqas ta’ sentejn, u jfakkru l-passjoni ta’ Kristu bil-vari li jintrefgħu għal triq twila, b’devozzjoni liema bħalha.