Fil-Kalkara kien hemm atmosfera ta’ festa fil-jum tal-Ħadd hekk kif ġiet iċċelebrata s-Sagra Familja.
Il-Ħadd ta’ wara l-Milied fisser il-ħruġ tal-istatwa tas-Sagra Familja li se tagħlaq ħamsa u sebgħin sena, is-sena d-dieħla.
Din l-istatwa kienet saret wara li l-istatwa l-antika sofriet ħsarat kbar fit-Tieni Gwerra Dinjija flimkien mal-Knisja tal-istess lokalità.
Iżda l-memorja tal-istatwa baqgħet tiġi apprezzata f’din il-minjatura.
Apparti din il-minjatura, il-każin tal-banda tal-Kalkara tella’ wirja bl-isem ta’ Xbiehat.
F’din il-wirja, wieħed jista’ jsib diversi statwi ta’ diversi kollezzjonisti – statwi li ħafna minnhom huma simili għal dawk li jinsabu fil-knejjes madwar Malta u Għawdex.
Barra minn hekk, hemm sett ta’ bnadar u standardi żgħar li huma replika tal-istandardi tal-każini tal-baned f’Malta u f’Għawdex.
“Hawn ħafna xbiehat ta’ statwi f’minjatura. Bħala tema kienet open jiġifieri ma kienx hemm tema partikolari, hawn diversi statwi ta’ qaddisin differenti u wkoll anke minn statwi differenti, jiġifieri bħal Ġimgħa l-Kbira, l-Għid il-Kbir, eċċ. Apparti minn hekk barra din il-wirja tal-istatwi, hemm sett ta’ standarti li huma minjatura maħdumin minn Ġużi Gauci li huwa President Onoranju tas-Soċjetà.” Saħaq Andrew Cilia, il-President tal-Każin tal-Banda tal-Kalkara.
Barra din il-wirja fil-Każin tal-Banda, fil-pjazza faċċata tal-każin intrema’ presepju bil-figuri life-size, lebsin bid-drapp u magħmulin mill-jablo.
Dawn il-figuri jirrappreżentaw il-ġrajja tat-twelid ta’ Ġesù Bambin, fejn is-sagra familja tibqa’ iċ-ċentru ta’ din il-ġrajja.