“Qed tqazzu lil kulħadd”, din hija l-kelma li qed toħroġ minn fomm ħafna nies, nies li qed jikkumentaw fuq it-tip ta’ kampanja li qed jagħmel Simon Busuttil u l-Partit Nazzjonalista.
Dawn in-nies ġejjin minn kull spetru tas-soċjetà, Laburisti, Nazzjonalisti ġenwini u nies li qegħdin fin-nofs. Nies li ma tinteresahomx il-politika tal-Partiti, għax qabel kollox u kulħadd hemm ir-rispett u t-toleranza, anke jekk qed jitkellmu fuq xi ħadd li miegħu ma jaqblux politikament.
Kienu ħafna nies, u mhux qed niċċajta, jew qed nipprova nkabbar xi ħaġa, li kellmuni mill-bieraħ sal-llum dwar il-ħniżrija li qal David Thake, Kandidat tal-Partit Nazzjonalista fuq ir-radju tal-PN, li allega li l-Ministru Chris Fearne għandu relazzjoni ‘extra-professjonali’ mal-Kap Eżekuttiv tal-FMS. Gidba faħxija li kienet miċħuda mill-ewwel.
In-nies qed jitkellmu dwar kif Simon Busuttil illum niżżel il-livell tal-politika għall-inqas immaniġabbli fejn flok fuq l-issues politiċi, fuq il-policies, qed nitkellmu fuq il-gideb, qed nitkellmu fuq il-ħajja personali tan-nies, qed nitkellmu fuq il-mard.
Il-verità hija li diffiċli ddawwar wiċċek meta gideb bħal dan u aktar jista’ jġib il-problemi fil-familji, iżda d-differenza bejn il-Partiti hija propju dik, li ma nistgħux naqgħu għal din il-provokazzjoni. Dan huwa dak li jrid Simon Busuttil.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni jrid poplu maqsum f’żewġ kampijiet u jwaddab il-ġebel lil xulxin, u jrid hekk għax jinsab dahru mal-ħajt għax mhu kapaċi joffri xejn, irid hekk għax fil-kampanja tiegħu li jressaq lejh dawk in-“Nazzjonalisti” li telqu l-Partit, tkun aktar faċli li jmorru lura meta jaraw lill-Partit Laburista li jinżel fl-istess livell.
Ikun hemm min jgħid li l-fatt li ma nagħmlux bħal Simon Busuttil hija djgħufija, iżda l-verità hija li tkun djgħufija jekk nagħmlu bħalu. Bil-kontra tiegħu dan il-Gvern, dan il-Partit, dan il-Moviment, għandu pjan x’joffri, m’għandux għalfejn jgħoli ħitan, imma jiftaħ aktar il-bibien. Bibien li jridu jkunu aktar miftuħa beraħ, għax meta jaraw li llum il-politika tal-Oppożizzjoni ġiet ridotta għall-attakki personali, gideb, stejjer ivvintanti ġejjin minn bloggers mimlijin ħdura u lanżit, allura l-poplu jaf li l-unika bieb li jrid jgħaddi minnu huwa dak tal-Partit Laburista.
Lil Simon Busuttil inħalluh ikompli jqazzeż lil kulħadd, qed jagħmililna pjaċir.