Il-binja li għaddej ix-xogħol fuqha biex fix-xhur li ġejjin tiftaħ il-bibien tagħha bħala l-akbar mużew tal-arti f’pajjiżna, għandha storja li tmur lura għall-elf ħames mija sitta u sebgħin.
Tul is-snin serviet bħala berġa għall-Kavallieri Taljani, l-Arkivji Notarili, għal xi żmien mużew, imbagħad Qorti u posta, u sas-sena li għaddiet l-uffiċini għall-Awtorità Maltija tat-Turiżmu.
Kull min għamel użu minna fl-aħħar erba’ mija u erbgħin sena, ħalla l-marka u l-istorja tiegħu.
Il-Project Leader tal-MUŻA, Sandro Debono, qal li l-iskoperti li qed isiru, anki jekk ma jkollhomx skop għall-MUŻA, se jinżammu b’tali mod li dak li jżur il-mużew jesperjenza l-istorja li ssawwret tul is-snin.
Hekk kif wieħed jirfes l-għatba tal-binja, mal-ewwel jista’ jinnota fireplaces li kienu jintużaw fi żmien l-Ingliżi u li għadhom jiffunzjonaw sal-lum.
Żewġ passi ’l quddiem u wieħed jasal f’dik li kienet il-kċina tal-berġa, u li fil-MUŻA se sservi ta’ kafetterija.
Sandro Debono qal li nstabet ukoll evidenza fejn kien jiġi ppreparat l-ikela u anke evidenza t’arkata kbira li x’aktarx kienet tagħti għal parti oħra tal-binja li kien hemm fil-Pjazza De Vallette.
Mixja tul il-kuritur tal-ewwel sular twasslek għall-dik li kienet il-kamra tal-pranzu.
Fi żmien il-Kavallieri tal-Ordni ta’ San Ġwann kienet għolja ħames sulari, u fi żmien l-Ingliżi, il-kamra nqasmet fi tnejn.
Dawn iż-żewġ perjodi se jitwaħħdu flimkien f’dik li se tkun il-kamra għall-konferenzi, attivitajiet kulturali u wirjiet temporanji.
Debono sostna li anke se jkun hemm parti ta’ kif kien fi żmien l-Ingliżi. Dawn il-partijiet differenti; ta’ żmien il-kavallieri u ta’ żmien l-ingliżi, mhux se jikkompetu ma’ xulxin iżda se jkunu qegħdin fi djalogu.
Il-binja, mifruxa fuq tliet sulari, għandha taraġ li fid-dokumenti jiġi deskritt bħala la scala grande – it-taraġ il-kbir.
Meta twaqqa’ fl-elf tmien mija u ħamsin, tħalliet biżżejjed evidenza biex wieħed jifhem l-istrutturi li jkunu jżommuh, u bħalissa qed issir rikostruzzjoni fuq il-mudell oriġinali.
B’ħamsin persuna jaħdmu lejl u nhar, ix-xogħol ta’ restawr fuq il-MUŻA wasal fi stadju avvanzat. Qed isir ukoll xogħol ta’ tikħil, tindif tal-ħajt, twaħħil ta’ madum b’materjal indiġenu, u xogħol tad-dawl.
Biex fi ftit tax-xhur oħra, binja bi snin twal ta’ storja se titrasforma ruħha fil-mużew nazzjonali tal-arti.
Sandro Debono temm jgħid li għad baqa’ ħafna x’jiġi skopert.