Bdiet tinbena Triq Ġużeppi Spiteri fir-Rabat b’investiment ta’ kważi nofs miljun ewro. Dan tħabbar waqt żjara mill-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri waqt li kienu għaddejjin ix-xogħlijiet.
Hawn ġie spjegat kif din it-triq qed tinfetaħ sabiex mhux biss jingħata aċċess lir-residenti imma wkoll bħala parti mill-proċess sabiex tingħaqad ma’ toroq oħra fir-Rabat sabiex jonqos it-traffiku fiċ-ċentru tal-Belt Victoria.
“Apparti li nagħtu aċċess u triq xierqa lir-residenti t’hawnhekk inkunu wkoll qegħdin fil-futur ngħaqdu din it-triq ma’ toroq oħra ġewwa r-Rabat u propju li jfisser li se jkun qed iwassal għal inqas traffiku fiċ-ċentru tar-Rabat.”
Fost oħrajn ix-xogħlijiet jinvolvu ‘service culvert’ sabiex jgħaddi l-cable tad-dawl u servizzi oħra u ġew introdotti wkoll is-servizzi tal-ilma u tad-drenaġġ.
“Qed inħaddnu wkoll il-politika ġdida tal-Gvern fejn is-servizzi, b’mod partikolari l-wires tad-dawl li jkunu mdendlin mal-faċċati ser ikunu kompletament aboliti. Dawn ser jgħaddu kollha mill-ewwel mis-service culverts li qegħdin nibnu preżentament sabiex fl-aħħar mill-aħħar nibdew innaqqsu minn ħafna ‘clutter’ li jkollna mal-faċċati.”
Il-Ministru Clint Camilleri tenna wkoll li l-istess qed isir fit-triq ta’ wara s-Sur, Triq l-Imgħallem.
“Propju hemmhekk permezz tal-junction il-ġdida li ser inkunu qed nagħmlu, se nneħħu l-bottleneck li għandna preżenti. U għaldaqstant, dawn huma żewġ proġetti fiċ-ċentru tar-Rabat li huma maħsuba sabiex inaqqsu t-traffiku miċ-ċentru tar-Rabat biex wieħed ikun jista’ jaċċessa partijiet differenti ta’ Għawdex.”