B’investiment ta’ miljun u ħames mitt elf ewro (€1.5 miljun), għaddejjin ix-xogħlijiet minn Infrastructure Malta biex tinbena mill-ġdid Triq tas-Sejba fl-Imqabba.
Din it-triq kienet qed tintuża bħala rotta ta’ devjazzjoni minħabba x-xogħlijiet li għaddejjin biswit l-ajruport u hija waħda kruċjali għall-konnettività, b’mod partikolari għar-residenti tal-Imqabba, l-Qrendi u s-Siġġiewi. Tul is-snin, spiċċat sofriet ħsarat estensivi
L-aġenzija Infrastructure Malta issa qed tibni struttura indipendenti għal din it-triq b’pedamenti msaħħa.
It-triq innifisha, fil-fatt, kienet f’riskju li tiġġarraf. Fid-dawl ta’ dan id-dannu għas-sigurtà pubblika, l-Infrastructure Malta llimitat l-aċċess tal-vetturi għal din iż-żona. L-aġenzija bdiet ix-xogħlijiet meħtieġa ta’ konsolidazzjoni u rikostruzzjoni tat-triq immedjatament.
Roderick Bonnici, li huwa l-perit ta’ dan il-proġett, spjega li, fl-aħħar ta’ Diċembru tas-sena li għaddiet, il-kuntrattur tal-aġenzija beda t-testijiet ġeotekniċi preparatorji fuq il-post qabel ma jkunu jistgħu jibdew ix-xogħlijiet strutturali meħtieġa.
Huwa spjega li dawn it-testijiet ikkonfermaw li t-triq kienet mibnija fuq sisien dgħajfa. Immedjatament wara, beda l-proċess tat-tħaffir biex jitpoġġew strutturi tal-konkos fil-forma ta’ kolonni.
Huwa qal, “Kif rajna li hawn problema għan-nies, intervrenejna mill-ewwel. Għamilna testijiet mill-ewwel. Ħadna t-testijiet neċċessarji biex naraw il-blat fejn qiegħed. Kien hawn li ġiet iddisinjata l-istruttura, li hawn 49 kolonna tal-konkrit li se jiġu implimentati fit-triq kollha. Sa issa lestejna 60 fil-mija tagħhom.”
Xogħlijiet oħra ta’ dan il-proġett jinkludu konnessjonijiet tad-drenaġġ, tat-telekomunikazzjoni, u tal-elettriku mill-ġdid, qabel it-tqegħid ta’ wiċċ ġdid tal-asfalt.
Waqt żjara li għamel f’din it-triq flimkien mal-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta, Ivan Falzon, spjega li numru ta’ residenti fl-inħawi spjegaw mal-aġenzija kif din it-triq ġarrbet numru ta’ ħsarat matul is-snin iżda dejjem sar xogħol temporanju fuq l-istess ħsara. Kien għalhekk li ttieħdet id-deċiżjoni li din id-darba x-xogħol li jsir ikun wieħed li jieħu aktar fit-tul iżda jservi ferm aktar.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali, Aaron Farrugia, qal li permezz tal-bini mill-ġdid ta’ din it-triq, il-Gvern qiegħed joffri serħan il-moħħ lil kull min juża t-triq.
Stqarr, “Hawnhekk għaddej xogħol kbir ta’ kolonni, fejn hawn madwar 50 kolonni, li se jservu bħala pedament b’saħħtu indipendenti. Fuq se jkun hemm is-sodda li se tilqa’ t-traffiku li jgħaddi minn din it-triq biex b’hekk, kuntrajament ta’ dak li ġara fil-passat, fejn din it-triq fl-aħħar 30 sena saru interventi fuqha minimu ta’ 6 darbiet, issa dan ix-xogħol isir darba u sewwa, biex b’hekk il-proġett ikun wieħed konkluż. ”
Infrastructure Malta qed tippjana li tlesti ix-xogħlijiet fit-tieni kwart ta’ din is-sena.