B’investiment ta’ €1.5 miljun qed terġa’ tinbena mill-ġdid it-Triq ta’ Wara s-Sur, fir-Rabat, Għawdex.
F’din it-triq qed jiġu installati servizzi ġodda, li jinkludu, fost l-oħrajn, mains ġodda tal-ilma fuq kull naħa tat-triq, sistema ġdida tad-drenaġġ, katusi tan-New Water, li jwasslu l-ilma tat-tisqija lill-bdiewa, katusi tal-ġbir tal-ilma tax-xita u dawk tat-telekomunikazzjoni.
Qed isiru wkoll bankini ġodda, jissaħħu l-ħitan tas-sejjieħ u fl-aħħar tax-xogħlijiet se jingħata t-tarmak.
Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar, Clint Camilleri, żar il-lant tax-xogħol fejn qal li x-xogħol għaddej b’mod tajjeb u qal li l-għan tal-proġett hu li jinqata’ kemm jista’ jkun it-traffiku miċ-ċentru tar-Rabat.
“Hekk kif issa proprju żmien il-Karnival qegħdin naraw li din it-triq, biex ngħidu l-ewwel parti ta’ din it-triq tingħata t-tarmak u tinfetaħ għall-pubbliku u, imbagħad, inkomplu fuq il-parti li jmiss tal-istess Triq ta’ Wara s-Sur u proprju hemmhekk se noħolqu junction ġdida biex naqtgħu darba għal dejjem il-bottleneck li hawn hawmhekk fir-Rabat.”