Il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi ħabbar li l-Ministeru tiegħu, flimkien mal-istakeholders kollha qiegħed jaħdem biex tiġi mfassla viżjoni strateġika fuq medium u long-term sas-sena 2025. Huwa spjega kif l-objettivi ta’ din il-viżjoni ser ikunu sabiex jiġu indirizzati l-isfidi li bħalissa qegħdin jiġu affaċċjati fis-settur tat-turiżmu. Għalhekk, l-objettivi ta’ din il-viżjoni huma primarjament:
- Li jkollna f’pajjiżna viżitaturi ta’ kwalità u li jonfqu iżjed flus fil-pajjiż waqt iż-żjara tagħhom;
- Li t-turiżmu f’pajjiżna jkompli jikber b’mod sostennibli u mmaniġjat tajjeb, filwaqt li nkomplu nnaqsu l-istaġjonalità ta’ pajjiżna mill-aspett turistiku;
- Li tiġi implimentata strateġija dwar il-konnettività tal-ajru ta’ pajjiżna sabiex intejbu l-konnettività ta’ pajjiżna f’kull żmien tas-sena;
- Li noħolqu iżjed niċeċ turistiċi f’pajjiżna biex nattiraw udjenzi ġodda;
- Li naċċertaw li pajjiżna jkollu r-riżorsi meħtieġa, speċjalment dawk umani, sabiex ikun jista’ jkompli jtejjeb il-prodott u s-servizz turistiku offrut lit-turisti;
- Li nattiraw udjenzi ġodda, fosthom dawk tal-Amerka ta’ fuq, tal-Ġappun, tal-Awstralja, taċ-Ċina u tal-Indja li jħallu impatt ekonomiku ikbar.
Dwar ix-xenarji ta’ Brexit, il-Ministru Konrad Mizzi tenna li l-Gvern Malti huw kommess li jkun l-aktar stat brexit-friendly fl-Unjoni Ewropeja. Huwa qal li mill-aspett turistiku għaddejjin diskussjonijiet dwar dan mal-istakeholders ikkonċernati, speċjalment mal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta u mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu. Il-Ministru kkonkluda billi rringrazzja lill-Malta Hotels and Restaurants Association tal-kontribut tagħhom, filwaqt li nnota r-riżultati pożittivi li Malta kompliet tirreġistra fil-qasam tat-turiżmu fl-2018.