Aktar żviluppi dwar l-iskandlu li qed jaħkem lill-Parlament Ewropew, hekk kif tħabbar li l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (l-EPPO) qed jinvestiga t-tieni deputat tal-Parlament Ewropew, din id-darba b’rabta ma’ frodi relatati mal-Baġit tal-Unjoni Ewropea.
Dawn l-iżviluppi kontinwi li qed jitfgħu dell ikrah anki fuq it-tmexxija tal-Parlament Ewropew, b’Roberta Metsola fit-tmun, bdew wara li nhar il-ġimgħa li għadda l-Griega Eva Kaili, li dakinhar kienet Viċi President tal-Parlament, ġiet arrestata mill-Pulizija Belġjana f’operazzjoni kontra l-korruzzjoni.
L-avukat tagħha ċaħad li hija xxaħħmet mill-Qatar u qal li hija mxiet biss mal-ordnijiet mill-President tal-Parlament, Roberta Metsola.
Is-sit awtorevoli Politico żvela li t-tieni deputata hija Griega wkoll: Maria Spyraki. L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew semmiha bħala parti minn investigazzjoni mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (l-OLAF). Dan qed jara li jneħħi wkoll l-immunità ta’ Spyraki, li kienet ngħatat it-titlu ta’ ‘MEP of the Year’.
Fid-dawl ta’ dan it-tieni isem imħabbar b’rabta ma’ investigazzjoni mill-Prosekutur Pubbliku Ewropew, il-ġurnal Politico kkritika bl-aħrax lill-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew għall-mod ta’ kif ipprova jieħu vantaġġ politiku partiġġjan mis-sitwazzjoni ta’ bħalissa billi ħareġ fuq offensiva kontra l-Partit tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi.
Il-Partit tal-Popolari Ewropew ipprova jieħu dan il-vantaġġ minħabba li Eva Kaili tappartjeni għal dak il-grupp politiku. Il-Politico qal li l-fatt li dlonk tħabbar li hemm ukoll membru tal-istess Partit Popolari Ewropew li qed tiġi investigata juri li din mhux kwistjoni ta’ xi grupp politiku jew ieħor.