Bħala pajjiż irridu naraw fejn se mmorru fiż-żmien li ġej u din trid tkun id-diskussjoni li jrid il-pajjiż, f’setturi differenti. Dan intqal mill-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela f’attività, li ttellgħet it-Tlieta filgħaxija fi Spazju Kreattiv, il-Belt Valletta, li ttrattat t-tema tal-arti u d-divertiment.
Dr Abela qal kif il-Gvern, immexxi minnu, investa f’ċentri ġodda kulturali, fosthom il-MUŻA u l-MICAS, li se jkun qed jinfetaħ dalwaqt.
Hu sostna kif l-isfidi li hemm jorbtu mal-investiment u mid-diskussjoni issa l-Gvern irid jgħaddi għall-fatti.
Il-Prim Ministru sostna dwar l-importanza ta’ dawn il-laqgħat mal-pubbliku fejn il-Partit Laburista jisma’ setturi differenti u, dik tat-Tlieta, ma kinitx xi waħda iżolata lanqas.
Preżenti kien hemm bosta produtturi u artisti tad-drama u films lokali, professjonisti tat-teatru u anke fl-industrija tan-nightclubs li tkellmu dwar xi sfidi jiffaċċjaw, fosthom il-finanzjament biex joħolqu l-produzzjonijiet tagħhom, waqt li wkoll tkellmu dwar il-burokrazija żejda.
Tul il-laqgħa twila, il-produtturi u l-artisti qalu li apprezzaw id-diskussjoni pubblika u kif kien hemm bżonnha.
Preżenti għal din il-laqgħa pubblika attendew ukoll il-Ministri għall-Kultura u t-Turiżmu, Owen Bonnici u Clayton Bartolo rispettivament, flimkien mat-tmexxija tal-Partit Laburista.