Bis-saħħa ta’ miżuri li qed jieħu dan il-Gvern fil-qasam tat-tisħiħ ta’ relazzjonijiet ma’ pajjiżi oħra u bi ftuħ ta’ ambaxxati ġodda, kumpaniji kbar Maltin qegħdin ikunu jistgħu jiftħu, jimirħu u jaħdmu aktar faċli f’pajjiżi mifruxa fl-erba’ kontinenti minn madwar id-dinja.
Iddikjara dan is-Sur Anthony Diacono, iċ-Chairman tal-Grupp Medserv, li tħaddem madwar 400 impjegat fl-Amerika t’Isfel, l-Amerika ta’ Fuq, il-Lvant Nofsani u fl-Ewropa. Il-kumpanija li topera fil-qasam taż-żejt u l-gass għandha dħul ta’ aktar minn €64 miljun fis-sena.
Is-Sur Diacono spjega: “Għalina huwa importanti ħafna li jkolna relazzjonijiet tajbin ma’ dawn il-pajjiżi fejn naħdmu huwa ta’ għajnuna kbira meta aħna nsibu ambaxxata, immaġina tidħol ġo pajjiż b’regolamenti differenti u jekk int għandek l-ambaxxata li diġà jkunu esperti ta’ kif għandek taħdem mal-awtoritajiet tal-pajjiż dik hija ta’ għajnuna immens.”
Is-Sur Diacono nnota li l-investiment li se jagħmel il-Gvern bi ftuħ ta’ ambaxxati ġodda, ser iħalli impatt pożittiv fuq kumpaniji interessati fil-promozzjoni tal-kummerċ minn madwar id-dinja.
Saħaq kif dan il-Gvern jista’ jwettaq il-viżjoni tal-Medserv li tkompli tikber fl-Afrika u fil-futur qrib fl-Asja, b’ambaxxati ġodda f’dawn il-pajjiżi.
Fi żjara fil-faċilità tal-kumpanija f’Birżebbuġa, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ, Carmelo Abela, fakkar kif fil-budget għas-sena d-dieħla tħabbar li Malta ser tiftaħ rappreżentanzi diplomatiċi ġodda fl-Amerika t’Isfel u f’Tokyo, fil-Ġappun waqt li se ssaħħaħ il-preżenza tagħha fl-Afrika t’Isfel.
Il-Ministru Abela semma kif il-Gvern għandu rwol ferm importanti għas-suċċess ta’ dawn il-kumpaniji li għandhom ix-xewqa li jimirħu barra minn xtutna.
“Il-kumpaniji jiġu mgħejjuna bil-viżjoni li jkollu l-Gvern, fejn aħna bħala Gvern inqisu lilna nfusna bħala dak li niffaċilitaw il-proċess biex ċertu kumpaniji jidħlu f’ċertu swieq u nagħtu l-opportunità u nagħmlu l-kuntatti neċċesarji biex dawn il-kumpaniji jidħlu fil-pajjiż rispettiv”, sostna l-Ministru Abela.
Huwa ddikjara, li stejjer ta’ suċess bħal dik ta’ Medserv, iħallu effetti sinifikanti fuq l-ekonomija Maltija, filwaqt li afferma mill-ġdid il-viżjoni tal-Gvern li l-kumpaniji bbażati f’Malta għandhom jiddependu fuq rappreżentanza diplomatika li qed tespandi u li hija sensittiva għall-bżonnijiet tal-komunità kummerċjali.