Fl-aħħar xhur dan il-Gvern għamel minn kollox biex jikkontrolla s-sitwazzjoni tal-immigranti u jtaffi mill-piż ta’ din il-problema f’pajjiżna.
Iddikjara dan il-Prim Ministru Robert Abela fl-intervista ma’ Lovin Malta, fejn spjega l-istrateġija ta’ Malta għall-imigrazzjoni.
“L-ewwel parti tas-soluzzjoni hija li żżommu l-immigranti milli jitilqu mil-Libja. It-tieni hi li dawk l-immigranti li jitilqu jekk ma jkunux f’sitwazzjoni ta’ distress iġifieri jekk ma jkunx hemm l-għarqa iġifieri li tkun qiegħda hemmek, aħna ma nsalvawx. Aħna m’għandnix obbligu li nsalvaw dgħajjes li ma jkunu in distress.”
Dr Abela sostna li qed jifhem is-sentiment u l-weġgħat ta’ ħafna Maltin, iżda qal li fl-istess ħin huwa obbligat b’liġijiet internazzjonli li jekk jiġu njurati, pajjiżna jaffaċċja konsegwenzi koroh.
Minkejja dan stqarr li meta wieħed jikkumpara ma’ Lampedusa, Malta ħadet numru ferm inqas ta’ immigranti. Dan anke grazzi għall-ħidma sfieqa tal-Forzi Armati ta’ pajjiżna, li b’dedikazzjoni kbira qed tagħmel minn kollox biex tikoordina s-salvataġġ tal-immigranti.
“Kull persuna li tidħol f’pajjiżna u ma tosservax il-liġijiet ta’ pajjiżna se teħel il-konsegwenzi tan-nuqqasijiet tagħha. Dak huwa prinċipju li jrid ikun ċar u hemmek fejn tidħol iż-żieda ta’ policing. Iżjed policing u qed issir ukoll spjegaha l-Kummissarju tal-Pulizija wkoll. Min ma josservax il-liġijiet se jkollu konsegwenzi u se jkollu konsegwenzi ħorox.”
Meta mistqosi fuq ix-xandir Malti, Robert Abela qal li jemmen li kull stazzjon f’Malta għandu jkun fattwali f’dak li jirraporta.
“Jien nemmen fil-pluraliżmu u għal daqstant kif il-Knisja għandha l-istazzjon tagħha, il-Partiti Politiċi għandhom l-istazjonijiet tagħhom. L-importanza li nknu fattwali fit-tqassim u dissimentazzjoni tal-informazzjoni, li nkunu factual.”
Il-Prim Ministru ddikjara wkoll li la hu, u l-ebda politiku ma kellu indħil fid-deċiżjoni li jitwaqqaf il-programm Xarabank minn fuq l-iskeda tax-Xandir Nazzjonali.
Huwa tenna li għandu fiduċja assoluta fil-bord tal-PBS sabiex jagħmel ir-riforma meħtieġa fix-Xandir Nazzjonali.
Il-Prim Ministru ħabbar ukoll li fuq livell ta’ Gvern qed issir ħidma fuq riforma tal-Broadcasting Policy b’mod ħolistiku.
Lil hinn minn dan, Robert Abela tkellem dwar il-ħidma li saret fix-xhur li ilu jmexxi l-pajjiż.
“Iva nemmnu f’governanza, nemnnu f’li nsaħħu l-istitutzzjonijiet, tajna messaġġ b’saħħtu bil-Kummissarju tal-Pulizija u fl-Avukat Ġenerali, il-Prim Imħallef, riforma fil-korp tal-Pulizija, id-djalogu mal Venice Commission u implimentajna l-liġijiet. Il-metodu ta’ ħatra tal-President tar-Repubblika l-ġdid, tal-Prim Imħallef bi qbil unanimu mal-Oppożizzjoni. Il-fatt li s-sistema ta’ ġustizzja tagħna ma tħarisx lejn uċuħ.”
Il-Prim Ministru temm jgħid li hu kburi li ħa t-tmun tal-pajjiż f’Jannar li għadda u kburi wkoll li ma kienx kaptan tal-bnazzi imma kaptan tal-maltemp.