Il-Prim Ministru Joseph Muscat tkellem dwar kif bħala pajjiż qed ngħixu mument ta’ kburija nazzjonali. Kburija nazzjonali ta’ poplu li jaf fejn irid jasal.
L-għada li eluf ta’ Maltin ħonqu t-toroq tal-Belt Kapitali biex jiċċelebraw il-bidu ta’ Valletta 2018, il-Prim Ministru tkellem dwar kif meta fil-Belt Valletta ra tant familji u persuni ta’ kull età kellu biss risposta waħda dwar x’wassal biex wieħed jgħeleb id-diffikultajiet loġistiċi u jkun hemm.
“Tweġiba waħda ġiet f’moħħi. Is-sens ta’ kburija nazzjonali li hawn. Dak is-sens li l-poplu jrid ikun parteċipi. Kif konna ngħidu ħames snin ilu l-poplu tagħna ma jridx ikun spettatur imma jrid ikun protagonist. Rajt l-għaqda. Kemm ħadt pjaċir nara l-għaqda. Fenomenu li ma tistax tgħallmu jew tispjegah. Iżda, tista’ biss tħossu,” qal Joseph Muscat.
Tkellem dwar kif fl-imgħoddi seta’ kien hemm żmien fejn bdejna niddubitaw minna nfusna fejn naħsbu li ħaddieħor aħjar minna.
“Mhux biss m’għandna xejn inqas minn ħaddieħor imma kapaċi naslu daqs ħaddieħor u iktar,” qal Joseph Muscat li fisser kif dan il-pajjiż jagħmlu f’ambjent kompettitiv.
“Ħadd mhu se jagħtik xejn b’xejn. Ħadd mhu se jaħsillek wiċċek biex tkun aħjar minnu u daħlet dik ir-rieda fil-poplu Malti u Għawdxi li twassal biex ħaddieħor jiskanta bina,” żied il-Prim Ministru.
Tkellem dwar kif illum kull min irid ix-xogħol se jsibu u pajjiżna għandu surplus meta ftit tas-snin ilu kellu defiċit.
“Għalhekk għandna nkunu iktar kburin għax dak li għal ħaddieħor huwa impossibbli aħna qed ngħamluh possibbli. Dawn il-ħsibijiet iktar inisslu kburija meta naraw dak li bdejna niċċelebraw flimkien ilbieraħ bħala poplu,” qal il-Prim Ministru li tenna li anke jekk nargumentaw, kif mistenni f’demokrazjoni, jirrenja sens ta’ għaqda li ma tistax tivvintah.
“Kif naraw dik il-bandiera bajda u ħamra tperper ningħaqdu qaqoċċa. Dak is-sens ta’ għaqda ma tistax tivvintah,” qal Joseph Muscat li fisser kif l-ikbar legat li “nistgħu nħallu bħala politiċi u nies li nagħmlu d-deċiżjonijiet hu li dak is-sens ta’ għaqda nsedquh. “
Id-diskussjonijiet fl-Air Malta
Fisser kif l-għaqda nazzjonali timmanifesta ruħha f’mumenti ta’ għażliet diffiċli u hawn għamel referenza għad-diskussjonijiet mal-bdoti li dwarhom tkellem il-ġimgħa li għaddiet f’Birkirkara.
“F’dak il-mument li kellha tittieħed deċiżjoni, li seta’ kien diviżiv… u f’dak il-mument urejna li m’hemmx biża’ li ttieħed deċiżjoni, kien hemm l-għaqda. Dik li setgħet kienet waħda mill-ikbar kriżijiet għall-ekonomija tagħna u għall-pajjiżna ġiet solvuta permezz ta’ rieda tajba, sens komun u permezz tal-punt kardinali li nemmnu f’pajjiżna,” qal Joseph Muscat.
“Hemm dak is-sens li fl-aħħar mill-aħħar ninsabu fl-istess dgħajsa flimkien,” kompla jgħid Joseph Muscat f’Ħal Tarxien li esprima t-twemmin tiegħu li anke f’dawk in-negozjati l-bdoti indunaw li l-gvern qed ikun miftuħ, onest u li jrid jagħti futur.
Naħsbu fil-ġenerazzjoni li jmiss
F’ġimgħa fejn kien ikkonfermat li Malta reġa’ għandha surplus fil-finanzi pubbliċi tkellem ukoll dwar kif il-pajjiż biddel ir-rota ekonomika. Sostna li fi żmien il-kriżijiet tal-mediċini out of stock waħda mir-raġunijiet kienet li ma kinux jordnaw għax ma kienx hemm flus. L-istess raġuni għaliex f’25 sena qatt ma żdiedu l-pensjonijiet. Tenna kif il-mod differenti kif imexxi l-gvern hu punt ta’ prinċipju.
“Punt ta’ prinċipju ta’ l-għaqal. Li m’għandekx bżonn ekonomisti għalih,” qal Joseph Muscat.
Irrimarka kif il-mod kif nirraġunaw bħala poplu qed jinbidel għat-tajjeb. B’mod li naħsbu għall-futur. “Mhux biss nirranġaw l-affarijiet ta’ qabel. Dan biex ta warajna mhux jaħsbu biex jirranġaw l-affarijiet tagħna iżda jippjanaw għall-futur,” qal Joseph Muscat.
Fisser kif xorta waħda se jkollok l-attakki ta’ min ma jaqbilx miegħek u ta’ min hu negattiv. “Għandna partijiet mill-oppożizzjoni li tant hi negattiva li mhux biss xebbgħet lill-poplu iżda xebbgħet lill-oppożizzjoni stess,” qal il-Prim Ministru li tenna kif il-poplu jaf jgħażel.
Fil-fatt tkellem kif il-poplu dejjem wassal sinjal kontra din l-attitudni fl-elezzjonijiet li saru fl-aħħar snin. “F’kull wieħed minn dawn it-testijiet elettorali l-poplu tkellem bl-istess leħen u bl-istess vuċi. U jekk l-oppożizzjoni għadha ma ndunatx mela għandha bżonn l-għaxar test. U dan it-test jasal min hawn u sena u nofs oħra meta jkollna l-elezzjonijiet tal-parlament ewropew li niffaċjaw b’umiltà bħala gvern li jkun riesaq lejn nofs it-tieni mandat tiegħu. Iżda li nħarsu lejh bla biża’ u li lesti għall-ġudizzju tal-poplu f’kull ħin u kull mument,” qal Joseph Muscat.
Hu temm jgħid: “Irridu nkomplu naħdmu għax il-poplu ikbar ma tkun il-fiduċja, ikbar ir-responsabbiltà fuqna li noħolqu Malta għall-ġenerazzjoni li jmiss.”