Il-Gvern qed jaħdem fuq budget ieħor mingħajr taxxi.
Filwaqt li kawża tal-pandemija, pajjiżi akbar qed jimponu taxxi ġodda fuq il-poplu, f’intervista fuq ONE Radio l-Ħadd filgħodu, il-Prim Ministru Robert Abela wiegħed li l-Gvern Malti mhux se jwieġeb b’awsterità wara l-għajnuna li ilu jagħti tul il-pandemija.
Huwa stqarr: “F’dan il-pajjiż it-taxxi mhux se jogħlew. Qed naraw x’qed jagħmlu gvernijiet oħra. Qed jgħollu l-vat u t-taxxi fuq in-negozji, fjuwil u dawl. Hawnhekk diġà qed naħdmu fuq budget bla taxxi. Fl-istess ħin irridu nibqgħu nsostnu lil min għandu bżonn. U jekk kien hawn min ħaseb li l-għajnuniet kbar li tajna u li qed nagħtu f’pandemija kienu se jiġu segwiti b’awsterità, kien żbaljat.”
Dr Abela qal li l-Gvern ħa ħsieb saħħet in-nies u issa se jkompli jiggarantixxi l-kwalità tal-għajxien tal-poplu anke billi jkompli jgħin lin-negozji, xi ħaġa li sa din il-ġimgħa stess kompliet tiġi diskussa. Hawn semma fost l-oħrajn l-iskema tal-MicroInvest li se toffri spalla lil sebat elef negozju b’kreditu ta’ taxxa meta jinvestu. Għajnuna li taqbeż it-tmenin miljun ewro.
Hawn fakkar ukoll li l-qagħda ekonomika b’saħħitha tal-gżejjer Maltin, li attwalment ġiet ikkonfermata minn bosta aġenziji internazzjonali bħal Fitch, DBRS u sas-Sibt stess, Moody’s. Hija biss l-Opożizzjoni li mhux tikkonferma l-qagħda b’saħħitha ta’ Malta. Fi kliem il-Prim Ministru, l-uniku konsistenza tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista hi li ma ssib xejn tajjeb f’pajjiżna.
Dr Abela,“Irrid infakkar fl-aħħar amministrazzjoni Nazzjonalista li f’riċessjoni, il-poplu tgħabba bil-piżijiet u Malta laqtet downgrade mill-istess Aġenzija. Ir-riżultati li qed nara jien sal-lum fiduċjuż li nibqgħu miexjin fit-triq it-tajba, anke għaliex is-sinjali hekk juru.”
Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar it-tnaqqis fil-perjodu obbligatorju ta’ kwarantina li tħabbar kmieni din il-ġimgħa. Hawn spjega li kull deċiżjoni ttieħdet biex tħares saħħet il-poplu.
Qal li dan l-aħħar deċiżjoni ittieħdet ukoll għaliex kien hemm is-serħan il-moħħ tal-esperti tas-saħħa li hu l-mument opportun. Innota b’sodisfazzjon ukoll li anke s-sitwazzjoni fl-isptarijiet baqgħet stabbli.
Il-Prim Ministru sostna:“Il-Gvern jieħu dawn id-deċiżjonijiet għaliex ikollu s-serħan il-moħħ tal-esperti fil-qasam tas-saħħa li hu l-mument li nistgħu nimxu għall-pass li jmiss. Il-komfort jiġi mill-fatt li għandha l-maġġoranza tal-popolazzjoni adulta, mas-86%, li hija vvaċċinata b’mod sħiħ.”
Dwar it-tnaqqis tal-obbligu tal-kwarantina għal dawk imlaqqma kompletament li jkunu f’kuntatt ma’ persuna li tirriżulta fil-pożittiv għall-Coronavirus, il-Prim Minsitru qal li din ħalliet effett pożittiv fuq il-pajjiż hekk kif ir-rota ekonomika qed terġa’ tibda ddur għan-negozji, u issa l-aktar ħaġa li għandha bżonn huma l-ħaddiema stess. Sfida li l-Prim Ministru qal li l-Gvern irid jegħleb.
Saħaq li l-poplu se jsib Gvern warajh li jinvesti fih: “Dan mhux Gvern li jiġbed lejh biex jibbilanċja l-kotba, anzi nemmnu li l-miri finanzjarji nilħquhom aktar ma nnislu fiduċja u ninvestu fin-nies, u ninvestu f’Għawdex daqskemm ninvestu f’Malta. Għalhekk din il-ġimgħa stess estendejna r-refund scheme biex tinċentiva l-privat joħloq impjiegi full-time u sostenibbli f’Għawdex.”