“Qegħdin nagħmlu minn kollox biex isem pajjiżna jkompli jissaħħaħ fin-Nazzjonijiet Uniti.”
Dan hu kliem id-Deputat Rappreżentant Permanenti ta’ Malta għan-Nazzjonijiet Uniti fi New York u l-Kelliem tar-Rappreżentanza, Adam Kuymizakis, f’intervista ma’ ONE News, fil-binja tan-Nazzjonijiet Uniti fi New York.
“Bħala diplomatiku, u t-tim ta’ diplomatiċi hawnhekk, aħna onorati li qegħdin nirrappreżentaw lil Malta mhux biss fin-Nazzjonijiet Magħquda, iżda f’dan il-perjodu li qegħdin fil-Kunsill tas-Sigurtà. Kulħadd, jien u sħabi kollha esperti fil-qasam tagħhom, u kulħadd qed jagħmel l-almu tiegħu biex isem Malta nibqgħu nsaħħuħ f’din l-organizzazzjoni.”
Huwa qal li l-ħidma sabiex pajjiżna jipprepara għal dawn is-sentejn, li matulhom Malta għandha siġġu fil-Kunsill tas-Sigurta, bdiet minn ħafna qabel.
It-tim ta’ diplomatiċi fi New York kiber u anki tħarreġ sabiex ikun ippreparat għal dan iż-żmien storiku għal Malta.
“Apparti li kiber it-tim, kien hemm ammont ta’ stħarriġ ukoll. Aħna bdejna nkunu aktar involuti fix-xogħlijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà bħala observers.”
Waqt il-Presidenza ta’ dan ix-xahar, Malta qed twassal ’il quddiem bosta temi importanti għall-paċi u s-sigurtà madwar id-dinja, fosthom il-fenomenu tat-tibdil fil-klima u l-protezzjoni tat-tfal minn kunflitti armati. Id-Deputat Rappreżentant Permanenti ta’ Malta għan-Nazzjonijiet Uniti fi New York qal lil ONE News li dan is-suġġetti ġejjin mill-għeruq ta’ Malta.
“Jiġifieri aħna wkoll, is-suġġetti li tkellimna fuqhom u s-signature event tagħna f’din l-ewwel Presidenza hija xi ħaġa li hija, tista’ tgħid, fl-għeruq Maltin, fir-relazzjonijiet internazzjonali, li aħna konna l-pajjiż li fassalna u bdejna l-kunċett tal-Liġi tal-Baħar. Konna aħna l-pajjiż li, fuq l-aġenda tal-Assemblea Ġenerali u tan-Nazzjonijiet Maqgħuda, ġibna t-tibdil fil-klima.”
Apparti dan ix-xahar li qegħdin fih, Malta se jerġa’ jkollha l-Presidenza tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti f’April tas-sena d-dieħla.