Il-Fondazzjoni Mediterranja tat-Turiżmu qed torganizza s-seba’ edizzjoni tal-Mediterranean Tourism Forum, konferenza annwali bil-parteċipazzjoni ta’ tletin pajjiż f’Malta.
Il-Forum, li din is-sena għandu t-tema ‘The Mediterranean Brain’, iddiskuta l-futur tat-turiżmu madwar il-Mediterran permess ta’ elf delegat minn pajjiżi differenti li ġew f’pajjiżna sabiex jiddiskutu dan wara l-pandemija.
Fil-Forum qed jitkellmu diversi persunaġġi li b’xi mod jew ieħor imissru mas-settur tat-turiżmu, minn awturi sa negoazjanti flimkien ma’ riċerkaturi u politiċi.
Dan l-avveniment qed iwassal biex bdew jinġabru ideat innovattivi sabiex jitjieb il-livell tat-turiżmu fil-ġejjieni, fosthom bl-użu tal-Metaverse u l-intelliġenza artifiċjali.
Fetħu d-diskussjoni l-Ministru responsabbli mit-Turiżmu, Clayton Bartolo, iċ-Chairperson tal-Awtorità tat-Turiżmu, Gavin Gulia, u l-President tal-Assoċjazzjoni Maltija għall-Lukandiera u s-Sidien tar-Ristoranti, Tony Zahra.
Il-Ministru Bartolo aċċenna għal kif it-turiżmu huwa importanti ferm fl-ekonomija globali għax jirrappreżenta madwar 23% tad-dħul madwar id-dinja.
Id-diskussjoni rreferiet ukoll għall-Istrateġija Nazzjonali għat-Turiżmu wara l-pandemija, li ġiet varata biex tkopri l-perjodu bejn issa u l-2030.
Il-kelliema f’dan il-forum qed jindirizzaw ukoll sfidi pertinenti oħra fosthom it-tibdil fil-klima u kif dan jaffettwa l-industrija tat-turiżmu.