Il-Ministeru għall-Edukazzjoni qiegħed jikkordina qafas komprensiv ta’ tħejjija għall-ftuħ eventwali mill-ġdid tal-iskejjel.
F’ċirkostanzi li għadhom qed jiżviluppaw skont kif qed jiġi spjegat mill-awtoritajiet tas-saħħa, il-qafas ta’ tħejjija għall-ftuħ mill-ġdid qed jikkunsidra d-diversi xenarji probabbli li fihom jistgħu eventwalment jkunu qed jinfetħu l-istituzzjonijiet edukattivi.
Intqal li għal kull xenarju, il-qafas ta’ tħejjija għall-ftuħ mill-ġdid, qed iħares lejn ħames aspetti ewlenin, li huma s-saħħa u s-sigurtà, it-tagħrif, l-iżvilupp u t-taħriġ, il-ħtieġa ta’ tagħlim ta’ kwalità, il-bżonn li t-tagħlim jilħaq lil kulħadd, u l-finanzjament meħtieġ.
Il-qafas ta’ tħejjija għall-ftuħ mill-ġdid tal-istituzzjonijiet edukattivi qed ikun diskuss mal-imsieħba konċernati, waqt li ser jibqgħu għaddejjin il-ħin kollu d-diskussjonijiet mal-awtoritajiet tas-saħħa b’rispett lejn is-sitwazzjoni nazzjonali.
F’għeluq ix-xahrejn mill-iskejjel kawża tal-imxija, il-Ministru Owen Bonnici spjega kif dan il-qafas ser ikun isib it-triq il-quddiem.
Il-Ministru Bonnici stqarr: “Dawn huma domandi pertinenti u għalhekk l-għan li nniedu dan il-framework, illi għandu l-funzjoni illi għal kull domanda jgħaddi proċess għall-konsultazzjoni wara li jieħu l-pariri tal-awtoritajiet tas-saħħa u jagħti triq ‘il quddiem.”
Intant, f’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Bonnici ħabbar kif grupp ta’ persuni ser ikunu qed jiddiskutu u jixtarru kif l-edukazzjoni ser tkun qed tinbidel f’pajjiżna fiż-żmien li ġej fid-dawl tal-imxija tal-Coronavirus f’pajjiżna. Madankollu, id-diskussjoni mhux ser tkun limitata għall-impatt tal-imxija tal-Coronavirus iżda l-grupp ser ikun qed iħares lejn it-tajjeb li hemm fis-sistema edukattiva f’pajjiżna u ser ikun qed jara kif itejjeb din is-sistema fiż-żmien li ġej.
It-‘think tank’ ser ikun magħmul mill-Professur Edward Debono, il-Professur Richard England, Dr.Frank Fabri, is-sinjura Joanne Grima, is-sinjura Julianne Grima, is-sur Frederick Schembri u l-Perit David Xuereb.