Il-Gvern qed ifassal pjan biex jgħin lis-setturi l-iktar milquta mill-pandemija. Hekk ħabbar il-Prim Ministru Robert Abela f’intervista fir-Rialto f’Bormla l-Ħadd filgħodu.
Qal kif dan il-Gvern irnexxielu jiżgura li kulħadd joħroġ minn din il-maratona li imponiet fuq id-dinja l-pandemija, u li kull min ikollu bżonn l-għajnuna se jibqa’ jsib il-Gvern warajh. Ħabbar li l-Gvern qiegħed jara kif se jkompli jgħin wara l-pandemija permezz ta’ pjan ta’ għajnuna għal dawk l-aktar milquta.
Il-Prim Ministru Robert Abela qal, “B’dak li għamilna bħala Gvern ser niżguraw li naslu sat-tarf tal-maratona u min jibqa’ jkollu bżonn l-għajnuna ser nibqgħu hemm warajh u ma nabbandunaw lil ħadd. Hekk nista’ ngħidlek, aħbar illum. Aħbar li bħalissa, flimkien ma’ numru ta’ Ministri fil-kabinett immexxi minni, qed niddiskutu aktar għajnuna li tkun ‘targeted’ lis-setturi l-aktar milquta.”
Stqarr li l-Wage Supplement irid jibqa’ jingħata sakemm in-negozji jkunu jistgħu jimxu mingħajru. Dan anke bis-saħħa ta’ karus b’saħħtu li kellu pajjiżna u li seta’ jintuża f’dan iż-żmien diffiċli għad-dinja kollha, u l-vouchers li se joħroġ il-Gvern kif imwiegħed fil-budget ukoll se jagħtu mbuttatura lin-negozji.
Dr Abela nnota wkoll kif filwaqt li pajjiżna kompla jżid l-infiq fil-benefiċċji soċjali, li fl-2020 qabżet il-biljun ewro, id-dipendenza fuq l-assistenza soċjali kompliet tonqos, kif anke deher fi statistika uffiċjali din il-ġimgħa stess.
Huwa sostna: “Jekk telimina issa l-benefiċċji ‘targeted’ soċjali kollha li tajna għall-waqt il-Covid xorta jifdal illi dik in-nefqa soċjali fl-2020 kienet iżjed minn qatt qabel u għaliex tliet kwarti minnha, minn dik in-nefqa hija fuq is-96,000 pensjonant illi sena wara sena żidna l-pensjoni. U konvinti minn dan l-‘approach’, konvinti minn dan l-‘approach’ illi ma nistgħux aħna nħallu n-nies waħidhom. U filwaqt li nkomplu ninċentivaw ix-xogħol irridu nibqgħu nwieżnu lil min hu l-iktar fil-bżonn fis-soċjetà tagħna.”
Il-Prim Ministru Robert Abela spjega kif is-suċċess fil-proċess ta’ vaċċinazzjoni huwa frott l-isforzi li saru fl-istadju tax-xiri tal-vaċċin. Stqarr kif filwaqt li l-Oppożizzjoni qalet li fil-pandemija l-Gvern berbaq il-flus, illum għandna wieħed mill-aħjar programmi ta’ tilqim fid-dinja.
Dr Abela tenna: “Kull pajjiż mis-27 kellu l-għażliet tiegħu, aħna għamilna tagħna. U għamilna tagħna b’mod ambizzjuż għax kellna l-ekonomija li ppermettietilna. Għax kellna l-finanzi tal-pajjiż li meta ġejna għall-għażla li kellu jagħmel kull pajjiż, jekk nagħżlux li nixtru mingħand l-irħas ditta, jekk nagħżlux li nixtru mingħand ditta waħda. Aħna x’għamilna? Għamilna għażla li nixtru mingħand kull produttur iżda mbagħad għamilna t-tieni għażla. Li ma nixtrux dożi biss daqs kemm għandna popolazzjoni, iżda li nixtru ferm lil hinn minn hekk.”
Spjega kif it-tliet prijoritajiet fit-tneħħija tal-ewwel sett ta’ miżuri kienu l-anzjani, l-edukazzjoni u s-saħħa, u kif kien importanti li pajjiżna jibqa’ f’sitwazzjoni fejn ikun jista’ jikkontrolla tajjeb il-firxa tal-virus.
Filwaqt li l-investiment ta’ €20 miljun se jimbotta s-settur turistiku, il-Prim Ministru spjega kif l-isforzi kbar li qed isiru sabiex tkun ikkontrollata l-pandemija wkoll se jattiraw iżjed turisti lejn pajjiżna.
Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq: “Ewlieni fil-fehma tiegħi bħala kriterju ta’ fejn ser imorru, it-turist għandu l-għażla. Turist li ġej mir-Renju unit għandu għażla fejn imur. Jista’ jmur f’diversi pajjiżi madwar l-Ewropa u madwar il-bqija tad-dinja imma ser ikun qed iħares fosthom kemm pajjiż huwa sigur mill-Covid, kemm il-pajjiż tratta tajjeb il-pandemija, imma mbagħad ma ħallejniex it-turiżmu għal xortih. Investejna €20 miljun.”
Il-Prim Ministru Abela appella għad-dixxiplina u stqarr kif l-infurzar tal-miżuri marbuta mal-pandemija se jibqa’ b’saħħtu.
Huwa qal, “Jekk ser inkunu ggalbati kif konna sa issa, bis-saħħa tal-poplu kollu u nkunu kawti u niftħu b’mod gradwali u b’mod bil-għaqal is-sajf ta’ turiżmu ser niżgurawh u ser niżguraw futur sabiħ għall-pajjiżna.”
Ara wkoll:
https://www.one.com.mt/2021/04/11/dan-huwa-gvern-li-ma-jibzax-mir-riformi-il-pm/