Raġel li kien qed jinżamm arrestat fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin jinsab stabbli fl-ITU wara li ttieħed għal osservazzjoni minħabba li kien ħa doża qawwija ta’ droga.
Kelliem għall-Ministeru għall-Intern spjegat ma’ one.com.mt li jidher li r-raġel ħa d-droga qabel ma ttieħed Kordin. Uffiċjali tal-ħabs imbagħad bdew jinnutaw li l-imġieba tiegħu ma kinitx normali, u kien ordnat li dan jittieħed l-isptar għall-osservazzjoni. Minkejja l-ammont ta’ droga li ħa, ir-raġel qed jirkupra l-ITU u jinsab f’qagħda stabbli.
Intant, inkjesta interna għadha għaddejja fil-ħabs biex ikun determinat x’ġara eżatt f’dan il-każ.