L-Enemalta qed tħott l-aħħar żewġ ċmieni tal-konkos li għad baqa’ fis-sit fejn kien hemm il-Power Station tal-Marsa.
Strutturi li nbnew fl-1970, u fl-1986. Ċumnija minnhom twila 81 metru ’l fuq mill-art u b’ħames metri wisa’ hi l-itwal struttura li kien hemm f’dan il-post.
Biċ-ċumnija l-oħra hi twila 42 metru u li kienet tagħmel parti minn struttura li kienet tinkludi żewġ boilers u żewġ turbini ta’ 30 megawatt kull waħda.Waqt it-twaqqigħ, il-kuntratturi qed isegwu pjan metikoluż approvat mill-awtoritajiet tal-ambjent u tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Se jkun hemm diversi miżuri ta’ prevenzjoni biex jiġu mħarsa l-ħaddiema f’dan il-proġett, u oħra f’postijiet tax-xogħol fl-inħawi.
Bħala prekawzjoni, ingħalqu t-toroq li jwasslu għall-istazzjon, u Transport Malta avżat lill-baħħara biex jevitaw iż-żona.