Jiem wara li ttajret l-ewwel bużżieqa spazjali mis-sit tal-Esplora fil-Kalkara, qed jiġu analizzati l-ewwel ritratti u filmati li ttieħdu.
Il-bużżieqa ttajret il-Ġimgħa filgħaxija għall-ħabta tas-sebgħa u nofs u ħamsa b’koordinazzjoni mal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, li ttellgħet tletin kilometru fl-ajru u niżlet sagħtejn u tliet kwarti wara fl-ibħra Maltin viċin ta’ Filfla; dsatax-il mil nawtiku ’l isfel minn Malta.
Id-Direttur tal-Istitut tax-Xjenza Spazjali u l-Astronomija, il-Professur Kristian Zarb Adami spjega l-ħidma konġunta li saret mal-awtoritajiet tul din l-operazzjoni u anki wara.
Huwa spjegalna: “Aħna konna f’kuntatt kontinwu mal-Forzi Armati Maltin biex noħorġu għaliha b’dgħajsa biex inkunu nistgħu nsibuha f’dak id-dlam. Tista’ timmaġina li din kienet impressjonanti li l-Armata tagħna, bl-għajnuna tagħna u tal-GPS, insibu din l-ispacecraft f’dak id-dlam.”
Il-Professur innota l-interess li qanqlet din l-inizjattiva fost etajiet differenti, li saret bħala parti minn missjoni b’kollaborazzjoni bejn l-Università, il-festival Science in the City, is-Soċjetà Astronomika Maltija u l-Ministeru għall-Innovazzjoni.
Huwa sostna: “Kellna feedback tajjeb mill-poplu u anki mit-tfal fl-iskejjel li ħadu sehem fi quizzes online u din kienet ix-xewqa tagħna li aħna nibdew inqanqlu l-interess fit-tfal anki ta’ età żgħira f’affarijiet astronomiċi u spazjali; mhux biss għax aħna nemmnu li l-iSTEM subjects huma importanti fl-iskejjel imma għax naħsbu li dan huwa settur importanti anki kummerċjalment għal Malta fil-futur.”
Dan huwa l-ewwel proġett tat-tip tiegħu iżda żgur mhux l-aħħar, hekk kif hemm il-ħsieb li jittellgħu aktar bżieżaq fil-futur qrib u anki satellita.
Il-Professur qal kif bil-ħolqien tal-Ministeru għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, qed tingħata pjattaforma lil settur pjuttost ġdid u promettenti: “B’dal-Ministeru qed tinħoloq eko-sistema fejn ir-riċerkaturi, l-għalliema, l-edukaturi u anki negozjanti Maltin, jistgħu jieħdu vantaġġ minn dan is-settur ġdid.”