F’Ħ’Attard se jsir ċentru kulturali u edukattiv ġdid li qiegħed jinbena fuq il-footprint oriġinali u jfakkar partijiet tal-passat tal-eks stazzjon tal-vapur tal-art fi Ġnien l-Istazzjon.
Ġnien l-Istazzjon huwa l-post fejn dari kien hemm l-istazzjon prinċipali f’din il-lokalità. Dan kien jifforma parti mis-sistema tal-ferrovija ta’ Malta, iżda l-bini kien inqered fil-gwerra.
Dan iċ-ċentru modern qed ikun iffinanzjat mill-Awtorita tal-Ippjanar u l-Fond Ewropew Reġjonali u għall-Iżvilupp.
Iċ-Ċentru Edukattiv se jinkludi librerija, żona tal-qari, u latrini. Quddiem il-binja se jiġi installat baldakkin tal-ħadid maħdum biex ifakkar il-bini tal-istazzjon, li serva biex jipprovdi kenn lill-passiġġieri li kienu jkunu jistennew fuq il-parti ta’ quddiem tal-pjattaforma.
Waqt żjara fuq il-post, iċ-Chairperson Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar, Olivier Magro, qal li dan il-proġett mhux biss se jsaħħaħ l-ispazju pubbliku miftuħ ta’ Ġnien l-Istazzjon iżda se jservi wkoll biex ifakkar il-wirt tal-passat, li jintrabat mal-futur.
“Hawnhekk qed nitkellmu fuq proġett b’għotja mill-Awtorità ta’ €200,000 li qed isebbaħ mhux biss l-ispazju pubbliku imma wkoll qed iservi bħala riżorsa biex jgħaqqad il-wirt tal-passat tagħna ma’ dak li huwa l-futur tal-pajjiż tagħna.”
Min-naħa tiegħu, il-Ministru responsabbli mill-Ippjanar, Stefan Zrinzo Azzopardi, qal li jinsab ħerqan għal aktar proġetti simili li jkomplu jġeddu l-ħidma tal-Gvern favur il-konservazzjoni tal-wirt kulturali u ambjentali.
“Dan huwa mod kif, permezz ta’ fondi min-naħa tal-Awtorità tal-Ippjanar, ngħinu lil-lokalitajiet permezz ta’ fondi li jinġabru minn applikazzjonijiet ta’ permessi. Mezz ieħor kif ngħinu u jkollna proġetti ta’ fejda fil-lokalitajiet kollha.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Chris Bonett, qal li dan il-proġett qiegħed isir b’investiment ta’ €747,000, li l-parti l-kbira minnhom ġejjin minn fondi Ewropej.
“Proġett ieħor mill-fondi Ewropej li ġew mill-Awtorità tal-Ippjanar li jara, jipproteġi u jippreserva dik li hija tradizzjoni u l-istorja ta’ pajjiżna.”