B’investiment ta’ żewġ miljun ewro qed jiġi rinovat l-Adventure Park f’Ta’ Qali, li matul is-sena jintuża minn bosta.
Dan l-aħħar investiment ra l-introduzzjoni ta’ magni ġodda li jistgħu jintużaw ukoll minn persuni b’diżabilità.
Dan l-ispazju miftuħ jagħmel parti mill-Park Nazzjonali, li se jara l-ispazju miftuħ t’Ta’ Qali jirdoppja hekk kif se jkun mifrux fuq medda art daqs sittin pitch tal-football.
F’konferenza tal-aħbarjiet, il-Ministru Ian Borg spjega li din il-parti tal-park, li minn dejjem kienet popolari mal-familji, se tinbidel fi spazju li se joffri esperjenza isbaħ.
“Dan huwa investiment li naħseb li huwa mill-aqwa għax qiegħed jagħti spazju għal uliedna fejn hemm ikunu jistgħu jqattgħu l-ħin tagħhom jilagħbu u jiddevertu mal-bqija tal-familja.”
Id-Direttur Ġenerali fi ħdan id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, il-Perit Stephen Bonello, sostna li r-rinovar sar bil-ħsieb li jħajjar persuni ta’ kull età biex igawdu dan l-ispazju miftuħ.
Spjega wkoll kif dan il-park se jitħaddem permezz ta’ enerġija alternattiva fejn fuq il-binjiet se jkunu installati pannelli solari filwaqt li se jsir xogħol ta’ manutenzjoni fuq id-diversi pontijiet, funtani u gazebos eżistenti.
“Id-dawl kollu qed jinbidel, se jkun hemm ukoll sistema wifi u se jkollha pv panels installati, apparti l-play equipment kollu se jinbidel u jsir rubber flooring ġdid.”
Ix-xogħol fuq dan il-proġett mistenni jkun lest fil-ġimgħat li ġejjin.