L-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali, flimkien mal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, se jkunu qed jassiguraw li fid-djar kollha residenzjali għal persuni anzjani jkun hemm il-prekawzjonijiet kollha meħtieġa, bil-għan li jiġi assigurat il-benessere mediku, fiżiku u soċjali ta’ kull resident. Dan se jkun assigurat billi l-ħinijiet tad-dħul tal-viżitaturi se jkunu bejn il-11am u n-12:30pm u bejn l-4:00pm u s-6:00pm, u se jingħata biss aċċess għal persuna waħda fejn kull resident.
Barra minn hekk, kull persuna, inkluż il-ħaddiema li se jkunu qed jidħlu f’dawn id-djar, se jsirilhom il-monitoraġġ meħtieġ. L-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali se tagħmel dak kollu meħtieġ sabiex jiġi assigurat li dawn l-miżuri meħtieġa jkunu qed jiġu implimentati.
Nixtiequ nfakkru wkoll dwar l-importanza li wieħed isegwi l-miżuri ta’ prevenzjoni maħruġin mid-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika bħall-ħasil tal-idejn. Huwa ferm importanti li kull min iħossu ma jiflaħx jew għadu kif vjaġġa fil-pajjiżi indikati mid-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika, dan m’għandux iżur il-qraba li jinsabu f’dawn ir-residenzi.