Għaddejjin b’ritmu tajjeb ħafna x-xogħlijiet fuq żona ġdida ta’ rikreazzjoni li tinsab fil-qalba tal-Birgu, b’dan l-ispazju miftuħ mistenni jinfetaħ għall-pubbliku fis-sajf li ġej. Dan tħabbar waqt żjara li għamlet f’din iż-żona il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, Miriam Dalli.
Dan l-ispazju ta’ disat elef metru kwadru qed jiġi trasformat fi spazju sigur li se jkun maqsum f’żoni ta’ rikreazzjoni differenti, fosthom żona għall-pikniks, bandli u park għall-klieb.
Ix-xogħlijiet qed isiru minn GreenServ fi ħdan il-WasterServ. Il-Kap Eżekuttiv tal-WasteServ, Richard Bilocca, spjega dwar dak li għaddej.
Qal, “Hawnhekk qed isiru xogħlijiet minn Greenserv, xogħlijiet importanti fejn spazju li sa ftit ta’ żmien ilu kien mitluq, se jkun qed jingħata lura lin-nies. Żona ta’ madwar 9,000 metru kwadru, fejn il-familji se jkunu jistgħu jiġu jgawdu ambjent nadif, ambjent sigur u ambjent aħdar viċin id-djar tagħhom.”
Il-Ministru Dalli qalet li dan il-proġett qed isir b’investiment ta’ nofs miljun ewro u semmiet kif dan se jipprovdi kwalità ta’ ħajja aħjar lir-residenti tal-Kottonera, ikkumplimentat bi spazju aħdar ieħor f’Bormla.
Qalet, “Ix-xogħol għaddej u għaddej b’ritmu mgħaġġel biex minn hawn u ftit ieħor inkunu nistgħu niftħu dan il-park għall-komunità tal-Birgu u l-madwar u għal dawk kollha li jżuru dawn l-inħawi.”
F’kummenti li għadda, is-Sindku tal-Birgu John Boxall laqa’ dan l-iżvilupp.
Qal, “Proġett ta’ 9,000 metru kwadru, minn post abbandunat se jitgawda minn kulħadd, mhux mir-residenti tal-Birgu biss, imma min-nies kollha ta’ dawn l-akkwati.”