Beda x-xogħol sabiex jinbnew faċilitajiet sportivi ġodda b’investiment ta’ €12-il miljun fil-kumpless edukattiv Kulleġġ Maria Reġina Giovanni Curmi Higher Secondary School fin-Naxxar.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima, żar ix-xogħlijiet li qed isiru fuq dawn il-faċilitajiet, li se jkunu jistgħu jintużaw mhux biss mill-istudenti, iżda wkoll mill-komunità wara l-ħin tal-iskola.
Anki l-klabb tal-futbol tan-Naxxar Lions ukoll se jkollu l-opportunità li jagħmel użu mill-ground tal-futbol li se jkun mifrux fuq 9,800 metru kwadru. Dan se jinkludi bosta faċilitajiet oħrajn fosthom gymnasium, faċilitajiet sanitarji, doċċi, u changing rooms.
Il-Ministru saħaq kemm hu kurċjali li nipprovdu faċilitajiet sportivi, mhux biss għaż-żgħażagħ tagħna, iżda wkoll għall-komunità. B’hekk inqarrbu l-edukazzjoni u l-isport mal-komunitajiet. Apparti dan, se jsir investiment f’parkeġġ li jesa’ madwar 500 karozza u li se jitgawda mill-ħaddiema u mir-residenti.
“Meta jitlesta l-proġett mhux se jkollhom vetturi, se jkunu totalment pedestrian il-faċilitajiet, u anke l-komunità Naxxarija li se jkollha benefiċċju minn dak li għandu x’jaqsam mal-faċilitajiet sportivi – anke l-aċċess għall-parkeġġ, li se jkun qiegħed jinħoloq proprju ġo din iż-żona li qegħdin inżuru.”
Preżenti kien hemm ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada, Neville Young, il-Prinċipal tal-Kulleġġ Maria Reġina, Patrick Decelis, u l-Kap tal-Iskola Anna Spiteri.